Code of Behaviour

Kodiċi ta’ Imġieba għall-Istudenti tal-Iskola Sekondarja

1. Għanijiet

1.1 F’dik li hi dixxiplina, l-għan tal-Kulleġġ hu li jgħin lil kull student jasal biex imexxi lilu nnifsu b’mod tajjeb lejn it-tajjeb.  Għalhekk, id-dixxiplina  hija  mezz li jgħin lill-istudent jgħix ħajja ordnata u li fiha jsib sodisfazzjon sħiħ.  Ma hija qatt għan fih innifsu, u lanqas ma hi qegħda hemm biex tbeżża’ lill-istudent.

1.2 Dan il-kodiċi hu meqjus bħala mezz ieħor li l-Kulleġġ qed joffri biex l-istudent jasal jiżviluppa dejjem iżjed b’mod sħiħ il-personalita’ tiegħu, l-iżjed fir-relazzjonijiet tiegħu miegħu nnifsu u ma’ l-oħrajn.

2. L-Istudenti u l-Istaff

2.1    Bil-mod kif jitkellem u jġib ruħu, l-istudent għandu dejjem juri rispett lejn membri tal-istaff.   Għalhekk, • għandu  isejjaħ lill-membri ta’ l-istaff bit-titlu tagħhom:  Father, Sir jew Miss.  • qatt ma għandu jindirizza lil xi membru tal-istaff b’xi mod arroganti, jew b’idejħ fil-but.• tkun ħaġa sewwa ħafna, l-iżjed filgħodu kmieni, meta student u għalliem jiltaqgħu fil-kuritur, li huma jixtiequ  ’l xulxin il-għodwa t-tajba.

2.2 Hekk kif għalliem jidħol /  tidħol fil-klassi, l-istudenti għandhom iqumu bilwieqfa u  jinġabru ħalli tinbeda l-lezzjoni, u b’mod ta’  kortesija jsellmu lill-għalliem.  Waqt il-ħin tat-talba ta’ qabel il-lezzjoni għandu jinżamm ir-rispett li jixraq lil Alla.

2.3 Huwa mportanti ħafna li wieħed iżomm il-ħin.  Għalhekk  student jonqos ħafna meta jasal tard għal-lezzjoni mingħajr raġuni valida.

2.4 L-istudenti huma mħeġġa li jkellmu lill-għalliema tagħhom fuq livell akkademiku kull meta jkollhom bżonn.  Preferibbilment student għandu jagħmel appuntament miegħu / magħha minn qabel, u jiltaqgħu waqt il-ħin tal-brejk it-twil jew bejn lezzjonijiet.  Barra minn każ ta’ urġenza jew bi ftehim speċifiku mal-għalliem konċernat, mhux permess li student imur  l-istaff room biex jara hemmx l-għalliem/a li jkun irid ikellem.

2.5 Bħala att ta’ kortesija u rispett, meta r-Rettur, l-Assistant Head jew xi għalliem jidħol fil-klassi, l-istudenti għandhom iqumu bil-wieqfa u jsellmu.

2.6 Passi dixxiplinarji jittiedu kontra student li jonqos  mir-rispett lejn xi membru ta’ l-istaff jew persuni oħra.  F’każ gravi dan jista’ jfisser sospensjoni mill-iskola.

2.7 L-istudent huwa mħeġġeġ li jkellem lil għalliem jew LSA tal-fiduċja tiegħu, lill-Assistant Head jew lir-Rettur, u dawn minn naħa tagħhom jistgħu jirreferu lill-istudent għand il-Guidance Teacher, School Counsellor, jew Spiritual Director skont il-bżonn.

3. Il-Class Teacher

3.1   Apparti l-għalliema ta’ kull suġġett, kull klassi għandha l-Class Teacher tagħha.  Dan igħin biex jikber  dejjem iżjed id-djalogu u l-komunikazzjoni bejn l-istudenti u l-istaff.

3.2 Il-Class teacher għandu r-responsabilta’ ġenerali tal-klassi u tal-istudenti b’mod individwali.  L-istudenti jressqu l-bżonnijiet,  is-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom lil dan il-class teacher.

3.3 Huwa fid-diskrezzjoni tal-Class Teacher fejn l-istudenti jpoġġu fil-klassi tagħhom.  Iżda kull għalliem jista’ jibdel il-postijiet kif irid hu waqt il-lezzjoni tiegħu.

4. Relazzjonijiet bejn l-Istudenti

4.1 L-istudenti għandhom jibnu relazzjonijiet sagħni  bejniethom ibbażati fuq ir-rispett reċiproku, kooperazzjoni, altruiżmu, u dinjita’ tal-persuna.

4.2 Il-bullying imur kontra kull valur nisrani u ċivili.  Għalhekk, f’kull għamla tiegħu (inkluz is-cyber bullying),  ma hu tollerat qatt.

4.3 Il-logħob ta’ l-idejn u kull logħob goff ieħor mhux permess.

4.4 L-istudenti għandhom jirrispettaw lil xulxin anke fir-rigward tal-propjeta’ tagħhom.  Għalhekk student qatt ma għandu jmiss l-affarijiet ta’ ħaddieħor (inkluzi proġetti akkademici), lanqas biex jagħmel ċajta.   Kull student għandu jżomm f’moħħu li jkun qed jonqos mill-onesta’, u jista’ jinqala ħafna inkwiet meta jisraq jew jagħmel ħsara fil-propjeta’ ta’ studenti oħra.

5. L-Uniformi

5.1 Kull student irid iżomm f’moħħu li hu jifforma parti mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, u għaldaqstant imġiebtu għandha tkun tajba f’kull mument, sew fil-kulleġġ innifsu, u sew barra.   Huwa mistenni mill-istudent li kliemu u l-imġieba ikunu ċivili anke meta jkun fi triqtu lejn u lura mill-iskola.

5.2 L-istudent għandu jiġi l-iskola u jmur lura d-dar liebes kif suppost l-uniformi ta’ l-iskola.

5.3 L-uniformi tal-iskola tikkonsisti: qmis bajda u ngravata tal-iskola, V-neck jersey ta’ kulur griż, qalżiet griż (biċ-ċinturin), kalzetti griżi jew suwed, żarbun iswed, u blazer tal-Kulleġġ. It-track suit tal-iskola titqies ukoll bħala parti mill-uniformi, u tintlibes fil-ġranet tal-PE,  extra-curricular activities, u meta indikat mir-Rettur jew Assistant Head.

5.4 Jekk għal xi raġuni valida l-istudent ma jkunx jista jiġi bl-uniformi tal-iskola, huwa għandu jġib  nota mingħand il-ġenituri.   Jekk jonqos minn dan jista’ jintbagħat lura d-dar.

5.5 Wara l-ħin tat-talb,  l-istudent jista’ ibiddel l-uniformi u fil-klassi joqgħod bi tracksuit. Fil-ġranet ta’ sħana, jista’ jintlibes bermuda shorts.

5.6 Xalpi huma permessi sa kemm huma ta’ kulur iswed, griż jew maroon.  Mhux permess ilbies ieħor, bħal beritta jew beanie.

5.7 L-istudent għandu juri  rispett lejn l-uniformi tal-iskola, billi jżommha nadifa, pulita u milbusa sew.  Ħadd ma għandu jħallat ilbies ieħor mal-uniformi.

5.8 Kull studenti għandu jieħu ħsieb ta’ persuntu u kif jidher.  Għandu jiġi l-iskola pulit u nadif.

5.9 Ix-xagħar irid ikun miżmum pulit u maqtugħ bi stil xieraq għall-iskola.  |ebgħa fix-xagħar mhux aċċettabbli.  Min jiġi l-iskola bi stil ta’ xagħar li ma jkunx aċċettabli jista’ jintbagħat id-dar.

5.10 Imsielet ma jistgħux jintlibsu.

6. Fil-Kulleġġ

6.1   L-imgieba fil-Kulleġġ għandha dejjem tkun xierqa kif mistenni minn kull student.  Għalhekk, għajjat u ġiri fil-bini tal-iskola mhux permessi.

6.2  Il-Motherhouse ta’ Sant’ Agata (inklużi l-ġonna, għelieqi u zuntier tal-Kappella) huma out of bounds għall-istudenti, jekk mhux bil-permess tal-awtoritajiet tal-kulleġġ. Fil-każ li dan il-permess jingħata, wieħed għandu jġib rispett lejn ir-residenti tal-Motherhouse.

6.3  Il-Kulleġġ huwa aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment  għal dawk bi bżonnijiet speċjali.  Sakemm mhux għal raġuni valida u serja (p.e. meta xi ħadd jinsab fiżikament imweġġgħa) l-ebda student ma għandu permess juża il-lift tal-Kulleġġ jew riżorsi oħra maħsuba apposta għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

6.4  Ebda student  ma jista’ joħroġ  barra l-konfini tal-Kulleġġ waqt il-ħin tal-iskola (inkluż il-ħin ta’  rikreazzjoni)  jekk mhux bil-permess bil-miktub tal-Assistant Head jew tar-Rettur.

6.5  Huwa strettament pprojbit li xi student (fil-ħin tal-brejk jew waqt li jkun ġej jew sejjer mill-iskola) imur jew joqgħod f’xi bar, kazin, jew ħanut tal-lokal.

6.6  Kull materjal pornografiku, tipjip, alkoħol, logħob tal-karti, logħob ta’ l-azzard jew logħob perikluż,  drogi, u kwalunkwe ħaġa oħra li tista’ tkun ta’ periklu fiżiku jew morali, huma assolutament ipprojbiti.

6.7  Mowbajls u apparat elettroniku ieħor (fosthom kameras, MP plejers u logħob jekk mhux mitlubin minn xi għalliem għal użu edukattiv) mhux permessi ġewwa l-iskola.  Jekk għal xi raġuni valida l-istudent sa jkollu bżonn mowbajl wara l-ħin ta’ l-iskola, allura għandu jħallih mar-Rettur jew l-Assistant Head malli jasal l-iskola. Jingħatalu lura fi tmiem il-ġurnata.

6.8 Il-locker għandu jintuża biex jinżammu ħwejjeġ marbuta mat-tagħlim u rekreazzjoni fl-iskola. L-istudent għandu jieħu ħsieb il-locker tiegħu billi jżommu nadif u ma jagħmillux ħsara.   Ir-Rettur u l-Assistant Head għandhom dritt li jiftħu il-locker meta jkollhom xi suspett ta’ użu ħażin. Kull student għandu jagħti is-sehem tiegħu b’risq l-indafa fil-klassi u l-kulleġġ.

7. Ħsarat

7.1   Kull student għandu jagħmel ħiltu biex jibża għall-propjeta’ u ambjent fiżiku tal-kulleġġ.  Kull ħsara għandha tiġi rappurtata minnufih.

7.2   Ħsara li ssir apposta jew bi traskuraġni tiġi msewwija spejjeż ta’ min jagħmilha.

8. Kastigi

8.1     Bil-għan li student jiġi mgħejjun itejjeb mġiebtu jew lilu nnifsu, meta jkun meħtieġ jingħata kastig.  Kastig normalment jingħata wara li l-istudent ikun  ġie mwissi dwar imġiebtu.  Il-kobor tal-kastig jintrabat man-nuqqas li jkun sar.

8.2  Il-proċedura tal-Għotja ta’ Punti Kumulattivi għandha tintuża mill-għalliema meta jkun hemm bżonn li jingħata kastig lil xi student.   Meta student iġib ruħu ħażin, jingħata rapport u jirċievi punti skont din l-iskema, li tista tiġi aġġornat minn żmien għal żmien:

Xogħol tad-dar ikkupjat = 4 punti

Tard għal-iskola = 3 punti

Mingħajr Homework = 3 punti

Imkeċċi barra mill-klassi = 3 punti

Issir Homework waqt lezzjoni oħra = 3 punti

Mingħajr Kit/Equipment = 3 punti

Qal kliem mhux xieraq = 3 punti

Ma osservax proċeduri ta’ safety, inkluż waqt il-ħin tat-trasport = 3 punti

Homework mhux sħiħ/bi traskuraġni = 2 punti

Mhux preżenti għall-lezzjoni = 2 punti

Nuqqas ta’ mġieba tajba = 2 punti

Tard għal-lezzjoni = 1 punt

Mingħajr ktieb/noti/kalkulatur = 1 punt

Tellef fil-klassi = 1 punt

Mingħajr extra work = 1 punt

Jiekol waqt lezzjoni bla permess = 1 punt

Wieġeb lura = 1 punt L-uniformi mhux kompluta = 1 punt

Matul kull term, kull meta student jgħaqqad 15-il punt hu  jibqa l-iskola wara l-ħin ta’ l-iskola, f’gurnata determinata mill-awtoritajiet tal-Kulleġġ. B’dan jiġu nfurmati il-ġenituri permezz ta’ nota li tintbgħat lura ffirmata.

8.3  Hu fid-diskrezzjoni ta’ l-għalliem li  jitlob extra work (mhux lines) mingħand  l-istudent.   Waqt li jżomm quddiem għajnejh ix-xogħol l-ieħor tad-dar,  l-għalliem jara li x-xogħol extra m’għandux jieħu iktar minn 30 – 45 minuta.

8.4  Hi fid-diskrezzjoni tar-Rettur  li jiddeċiedi jekk student joqgħodx wara l-ħin ta’ l-iskola jew,  jekk ikun meħtieġ, li jiġi l-iskola f’jum ta’ btala minħabba xi ażżjoni ħażina li tkun saret.

8.5  Student li jġib ruħu gravament ħażin jista jiġi mibgħut id-dar u sospiż mill-iskola għal xi ġranet. Hi f’idejn ir-Rettur li jiddeċiedi jekk student ħaqqux dan il-kastig.

8.6  Jekk dawn il-miżuri ma jilħqux il-għan mixtieq, il-ġenituri ta’ dak l-istudent  ikunu mitluba jiġu l-Kulleġġ ħalli jitkellmu dwar il-problema ma’ l-awtoritajiet tal-Kulleġġ biex hekk, flimkien, isir sforz ieħor għal soluzzjoni.

9. Ripetizzjoni u Tkeċċija

  1. Skont kif determinat mill-Assessment Policy tal-Kulleġġ, student jista jiġi mitlub li jirrepeti sena skolastika.    L-Awtoritajiet tal-Kulleġġ iżommu d-dritt  li jiddeċiedu huma jagħtux dan ic-ċans lil student.
  2. F’każijiet estremi, l-awtoritajiet tal-Kulleġġ iżommu d-dritt li jistgħu jkeċċu student għal kollox mill-Kulleġġ.

10. Konklużjoni

  1. Fil-Kulleġġ, kull imġieba tajba hija mħeġġa, rikonoxxuta, u tagħmel unur lil min iwettaqha.   L-għan ta’ dan il-kodiċi ta’ dixxiplina huwa li jqanqal imġieba tali, u kull student huwa mheġġeġ biex jifhem sew l-importanza ta’ mġieba xierqa.