Rector’s Speech – 2017

Jum il-Premjazzjoni

Għas-Sena Skolastika 2015/2016

 

Is-Sibt, 11 ta’ Marzu 2017

Insaħħu l-Edukazzjoni tal-Ulied

 

Insaħħu l-Edukazzjoni tal-Ulied

Papa Franġisku: Il-Ferħ tal-Imħabba, Kapitlu 7

Għażiż Dr Mario Cardona, Fr Frankie Cini mssp, mistednin distinti, ġenituri, studenti,

Illum issib ħafna ġenituri li bi kliemhom jew b’għemilhom qed juru li t-trobbija tal-ulied fi żmienna hija ħafna differenti minn kif kienet imqar ftit ta’ għaxriet ta’ snin ilu.  Forsi aħjar naqta’ barra l-kelma “għaxriet”, għax verament l-isfidi li ħafna familji qed jaffaċċjaw illum  qed ikomplu jfaqqsu minn sena għall-oħra.  Anke kieku fil-post natal ward ta’ Mater Dei il-ġenituri jingħataw instruction manual ta’ kif se jikbru u jrabbu l-ulied, dan kien jiskadi wara biss ftit xhur.

Meta l-Papa Franġisku ħareġ l-eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris Laetitia (Il-Ferħ tal-Imħabba) fit-8 ta’ April 2016, ħoloq furur sħiħ.  Dan għaliex hu tbiegħed xi ftit (jew wisq) minn dak il-mod ta’ ħsieb li konna aktar imdorrijin bih, biex offrielna viżjoni ġdida tal-ħajja tal-familja u tal-mod kif nistgħu jew għandna nġibu rwieħna quddiem sitwazzjonijiet differenti.  Forsi l-aktar li spikka kien il-kapitlu 8, li jirrigwarda d-dixxerniment, tisħib u integrazzjoni ta’ min huwa dgħajjef u għandu bżonn min jieqaf miegħu (jew magħha).  L-isqfijiet tagħna ħarġu linji gwida bil-għan li jgħinuna npoġġu dan fil-prattika.

Illum mhux se nitkellem fuq dan.  Il-Kapitlu 7, intitolat:  Insaħħu l-Edukazzjoni tal-Ulied, jagħtina mhux biss dawl fuq xi aspetti marbuta mal-edukazzjoni u l-formazzjoni tal-ulied, prinċiparjament fil-familja, imma wkoll fuq il-kuntest edukattiv tal-iskola.  Waqt li qed naqrah, rajt li jolqotna direttament, u għalhekk nixtieq nislet tliet temi u nirrifletti ftit fuqhom magħkom.

1. Minn Fejn se Nitilqu?

Il-Papa jiftaħ il-kapitlu 7 b’sentenza qawwija:  “Il-ġenituri dejjem jinfluwenzaw l-iżvilupp morali ta’ wliedhom, fit-tajjeb u fil-ħazin.”[1] Qed jirreferi għal żvilupp li permezz tiegħu t-tfal jagħrfu jagħżlu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.  Għaldaqstant huwa ferm importanti li l-ġenituri jilqgħu tali responsabiltà  b’kuxejnza, ħeġġa, u għaqal.  Però f’dan ir-rigward, ma naħsibx li nistgħu nieqfu sal-bieb ta’ barra tad-dar.  Din ir-responsabiltà  tolqot ukoll lilna l-edukaturi, li in loco parentis (flok u f’isem il-ġenituri) qed nieħdu ħsieb lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.   Għat-tajjeb jew għall-ħażin, preferibbilment għat-tajjeb (!), aħna l-edukaturi ninfluwenzaw dan l-istess żvilupp.  Għalhekk l-importanza li flimkien nagħmlu dawn ir-riflessjonijiet, noħorġu l-konklużjonijiet tagħna, u ninpenjaw rwieħna biex nattwawhom.

Riklam ta’ vjaġġar turistiku li darba ltqajt miegħu kien jistaqsi u jwieġeb:  Do you want to keep your family happy?  Just add water! Iva, ħu t-tfal sal-baħar, weekend break f’xi lukanda, jew onfoħ u imla swimming pool tal-plastic fuq il-bejt, u b’garanzija, speċjalment jekk tipprepara ftit ikel tajjeb, li jkollok ħafna daħk, tbissim, u kuntentizza. Huma kuntenti, u inti kuntent jew kuntenta wkoll.  Imma issa għandna sfida:  il-famuż smartphone!  It-tfal ukoll ikunu kuntenti jekk jgħaddsu rashom ġo fih, jilagħbu xi logħba tal-eta’ tagħhom jew le, u jiċċettjaw jew jaqbdu ma’ xi ħadd permezz tas-social media.  Jekk wieħed iċedi kompletament għal dan, allura addio għall-mumenti ta’ flimkien fil-familja, mixja fil-kampanja, żjara lin-nanniet jew ħbieb, u xogħol tal-iskola għad-dar.   U jekk teħodulhom, kun ċert, b’garanzija wkoll, li se jibda l-qrid, jittawwal il-geddum, biex ma ngħidx ukoll li jkun hemm min isir vjolenti fi kliemu jew b’għemilu.  L-esperjenza u rapporti tas-social workers u psikologi qed juruna biċ-ċar li ħafna tfal qed isiru ivvizzjati (addicted),  b’reazzjonijiet u withdrawal symptoms simili għal dawk li jidhru f’min huwa maħkum jew qed jipprova jinħeles mill-vizzji tal-alkohol, tabakk, jew droga.  Sitwazzjoni inkwetanti ferm, għall-ġenituri u edukaturi.

Il-Papa jkompli jisħaq fuq il-fatt li l-familja dejjem għandha tkun dak il-post fejn l-ulied isibu wens u direzzjoni, u fejn l-adulti jkunu lesti jibdlu l-mod kif jimxu magħhom.[2] Irridu verament noqogħdu attenti ma’ min u ma’ xhiex qed jiltaqgħu t-tfal permezz tal-mezzi elettroniċi.  Nifhem ħafna l-inkwiet, ir-rabja, u d-diżappunt ta’ xi ġenituri meta jindunaw li hemm xi ħadd li qed jaqbad ma’ binhom, anki minn fost sħabu stess.  Is-cyber bullying huwa reali daqs kemm hu reali l-bullying fil-klassi, fil-grawnd, fit-triq, fl-għaqdiet, u f’kull post ieħor.  Ħadd ma jista’ jikkonkludi li kollox huwa sew meta ibnu jinsab kwiet f’kamartu.  Ma hemm ebda garanzjija li ħadd ma hu qed b’xi mod jipprova jidħol b’mod elettroniku fil-kamra tat-tifel.  Sitwazzjoni perikoluża daqs kemm hu perikoluż li tħalli l-bieb ta’ barra miftuħ bil-lejl.

Hemm bżonn ta’ edukazzjoni f’dan ir-rigward.  Ma nistgħux immorru fl-estrem li ngħidu li t-tfal ma għandhomx imissu mobile jew tablet. Imma għandu jkun hemm ċertu regoli u forsi wkoll ċertu bidliet fl-imġieba tagħna.  Tajjeb li jkun hemm ħinijiet tal-familja meta l-mobile mhux aċċettat, bħal waqt l-ikel.  Importanti li jintefa’ u jitħalla barra mill-kċina!  Tajjeb ukoll li jkun hemm mument, anki jekk qasir, ta’ diskussjoni fil-familja fejn jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet.  U forsi tajjeb ukoll li l-ġenituri jitgħallmu xi logħba elettronika li tinkoraġixxi s-sehem ta’ diversi persuni li jridu jaffaċċjaw xi sfida elettronika permezz ta’ kooperazzjoni.  Dan it-tip ta’ logħob elettroniku jeżisti.  Ftit tal-ġranet ilu konna qed niddiskutu fl-iskola stess jekk għandniex ninkoraġixxu s-sehem tal-istudenti fl-e-sports.   L-e-sports jirreferi għal dak it-tip ta’ sport li jinvolvi sistemi elettroniċi, u huwa qasam fil-vastità tad-digital arts, li qed jieħdu posthom fix-xena edukattiva u tal-impjieg lokali.   Ċertament ċerta biżgħat jeżistu, iżda wkoll il-benefiċċji ta’ kollaborazzjoni f’tim, tħaddim il-moħħ, bini ta’ strateġiji u eżerċizzi mentali oħrajn.  Daqs kemm huwa sewwa li ninvestigaw opportunitajiet bħal dawn, daqstant ieħor huwa ħażin li xi tfal u żgħażagħ jitħallew jilagħbu logħob tal-adulti.  Fl-opinjoni tiegħi, ċertu logħob, li jinkoraġġixxi id-diżrispett lejn persuni oħra, inkluż it-traffikar tal-persuni u vjolenza, lanqas għall-adulti ma hu tajjeb, aħseb u ara għat-tfal!  Mhux se nagħti eżempji ta’ ismijiet biex ma nagħmilx riklami.

Ilkoll nagħrfu l-bżonn li nipproteġu lit-tfal minn dak li hu ħażin.  Nagħrfu wkoll il-bżonn li niggwidaw u nikkoreġu.  Imma nifhmu wkoll li t-tfal jgħaddu minn proċess ta’ maturazzjoni.  L-ossessjoni ma hi tajba għal ħadd, la għat-tfal u lanqas għall-ġenituri.  Ħadd ma ġie lest mill-ewwel, u l-maturità morali mhix xi ħaġa miktuba fid-DNA tagħna.  Ikompli l-papa:  “Dak li jiswa fuq kollox hu li nnisslu fl-ulied, b’ħafna mħabba, il-process ta’ maturazzjoni tal-liberta’ tagħhom, li jgħinhom jikbru b’mod sħiħ, u jxettel fihom awtonomija awtentika.”[3]

L-edukazzjoni għall-libertà hija importantissima fil-formazzjoni tal-ulied.  It-tifel irid jitgħallem jagħraf kif għandu jħaddem il-libertà tiegħu b’mod tajjeb, li jkun ta’ gieħ għalih u għall-oħrajn.  Irid  jitgħallem juri l-vera rispett u jeżerċita mħabba lejn l-oħrajn.  Dan mhux proċess li jsir bil-forza, iżda bil-perswazjoni tal-kliem u għemil eżemplari.    Ħa ngħiduha kif inhi:  mhux dejjem faċli wieħed iżomm ma’ din  il-linja, speċjalment meta l-għemil tat-tifel ikun ħażin (u xejn aktar).  Imma anki f’dan il-mument, l-adult irid juri li hu kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u hekk ikun ta’ eżempju tajjeb anki f’dan ir-rigward.  Ir-riżultat finali u mixtieq huwa li t-tifel, meta jsib ruħu f’salib it-toroq, ikun kapaċi jagħżel dak li huwa sewwa u tajjeb.  Ikun irċieva l-qawwa (empowered) biex jagħżel it-tajjeb.

 

2. Il-Formazzjoni Etika.

L-għażla tat-tajjeb fuq il-ħażin hija mixtieqa, nemmen li minn kulhadd.   Forsi aħjar ngħid: sfortunatament kważi kulħadd.  L-oppost, bħalma naraw kemm fl-istorja tad-dinja, kif ukoll f’ċirkustanzi partikulari li xi drabi niltaqgħu magħhom, ikun tal-biża!

“Xogħol il-ġenituri hu li jedukaw ir-rieda u jrawwmu fi wliedhom drawwiet tajba u inklinazzjonijiet affettivi lejn dak li hu tajjeb.”[4] “Anki jekk il-ġenituri għandhom bżonn tal-iskola biex jiżguraw li wliedhom jirċievu t-tagħlim bażiku, huma ma jistgħu qatt jiddelegaw għalkollox il-formazzjoni morali tagħhom.”[5]

F’kelma oħra, l-ġenituri għandhom jagħrfu jidderieġu  lil uliedhom lejn dak li huwa tajjeb, u jgħallmuhom jixtiequh.  Filwaqt li jistgħu u għandhom id-dritt li jserrħu rashom mill-iskola, pero’ qatt ma jistgħu jfarfru minn fuq spallejhom din ir-responsabiltà.

Din mhix missjoni faċli.  Għal ħafna raġunijiet.  Donnha d-dinja tal-lum, għalkemm aktar affluwenti (sinjura), tħeġġiġna biex ikollna aktar, u aktar, u aktar.  Qisu qatt ma hu biżżejjed.  Biex tikseb aktar u aktar, id-dinja tal-lum ma tibqax lura milli tweġġa’ lil ħaddieħor, inkluża “id-dar komuni tagħna”[6], l-ambjent ta’ madwarna, li fil-fatt għandna nibżgħu għalih.   Ma tibqax lura milli titlef is-sens ta’ responsabiltà, onestà, ġenerożità u imħabba.  Tħeġġiġna wkoll id-dinja ta’ madwarna biex dak li rridu, irriduh malajr.  Sirna m’ aħniex kapaċi nistennew.

Il-proċess lejn din il-formazzjoni mhux faċli.  Irid jibda minn dak li hu bażiku, u jimxi pass pass, anki jekk mingħajr għaġla żejda.  Irid l-ewwelnett ikun hemm il-preżentazzjoni (bil-kliem u l-għemil) ta’ dak li hu tajjeb, dak li għandna nixxenqu għalih, anke jekk aħna bnedmin imperfetti.  L-għejxien fis-sliem ma’ ħaddieħor, u l-aċċettazzjoni tar-realtà toħloq diżpożizzjoni sabiex wieħed irawwem ġewwa fih valuri akbar.  Nieħu eżempju:  kull familja għandha ċ-ċirkustanzi tagħha.  Xi wħud pożittivi u tajbin, bħal relazzjonijiet tajbin u xogħol sodisfaċenti.  Oħrajn diffiċli minħabba xi ċirkustanza ta’ inkwiet, bħall-mard.  L-aċċettazzjoni ta’ din ir-realtà u l-għejxien trankwill (xi drabi bl-għajnuna ta’ persuni oħra) jgħin fl-iżvilupp ta’ attitudnijiet u valuri għoljin, bħall-paci interna u imħabba.

Mhux l-istess jiġri fil-klassi, fejn aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikun hemm diversità ta’ kapaċitajiet u ħiliet, flimkien ma’ sitwazzjonijiet u ċirkustanzi familjari li l-istudenti jkunu ġejjin minnhom?  L-ebda klassi ma hi perfetta.  F’kull waħda hemm l-imperfett, id-dgħajjef.  Huwa fil-klassi tiegħu li tifel jitgħallem ikun tolleranti, leali lejn sħabu, jirrispetta u jadatta ruħu għall-bżonnijiet ta’ sħabu, u jitgħallem iħobbhom anki meta jonqsuh, għax fl-aħħar mill-aħħar jinduna li anki hu għandu bżonn min iħobbu f’mumenti fejn hu stess huwa imperfett u dgħajjef, jew iqabbiżha lil ħaddieħor!

Hija wkoll realtà, jgħidilna l-Papa Franġisku, li “ħafna drabi aħna inkoerenti mal-konvinzjonijiet personali tagħna”.[7] Inkunu nafu x’inhu t-tajjeb, irridu inwettquh, iżda nsibu li minħabba s-saħħa li għandhom fuqna ħwejjeġ oħra, naġixxu b’mod differenti jew addirittura bil-maqlub.  Dak li l-moħħ jifhem bħala tajjeb, jgħid il-Papa, “għandu jniżżel għeruqu fina bħala inklinazzjoni qawwija tal-qalb”[8], u hekk jirnexxilna negħlbu lejn it-tajjeb.  Kemm il-ġenituri, u kemm l-edukaturi, għandhom bżonn juru lill-ulied tfal u żgħażagħ li l-għażla tat-tajjeb tiswa, fl-aħħar mill-aħħar, għalihom stess. Tifel jistà, jekk irid, biex jgħatti xturu, jitfà ħtija fuq, jew jinħeba wara ħaddiehor.  Xi drabi hekk jiġri.  Imma dak it-tifel irid jifhem b’moħħu u f’qalbu li dak mhux għemil tajjeb, għax hemm valuri aktar għoljin fil-ħajja, bħal onestà u responsabiltà, li jgħinuna ngħixu sew f’soċjetà tal-bnedmin.

Kemm hu sew li wieħed jibda jxettel ġewwa fih drawwiet tajba!  Nibdew bil-kliem sempliċi ta’ “jekk jogħġbok”, “napprezza” u “grazzi”, għax dan joħloq diżpożizzjoni pożittiva, u bil-mod il-mod nimxu biex nibnu sentimenti soċjevoli u diżpożizzjoni tajba lejn l-oħrajn.  Irridu nemmnu li dan hu sew, u nimpenjaw rwieħna għalih, anke jekk il-proċess huwa twil.  Ġenituri li jħeġġu lil uliedhom għat-tajjeb permezz ta’ proposti, eżempji, premijiet, riflessjonijiet, reviżjoni ta’ mġieba, djalogu, eċċ., ikunu qed jgħinu lil dawn l-istess ulied fl-edukazzjoni morali tagħhom.  Tali edukazzjoni morali tagħmel minnhom bnedmin li kapaċi jduru lejn it-tajjeb b’mod spontanju.

 

3. Il-Korrezzjoni

“Hu indispensabbli li nissensibilizzaw it-tfal u l-adolexxenti biex jagħrfu li  dak li jkunu għamlu ħażin għandu l-konsegwenzi tiegħu.”[9]

Kemm hu sew li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu kapaċi jħossu għal, u jgħaddru lil ħaddiehor, u filwaqt li jittrattaw lil ħaddiehor bħalma jixtiequ li ħaddiehor jittratta lilhom, jiddispjaċihom jekk ikunu ikkawżaw tbatija minħabba xi deni li jkunu għamlu.

Ir-responsabilità taqa’ fuq il-ġenituri u fuq l-edukaturi, li b’id soda jwasslu lit-tfal biex jitgħallmu jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu.  Dan apparti ċertu konsegwenzi (qabel konna nagħtu kastig), u fi grad li jirrelata ma’ dak li jkun twettaq.  Ċert li naqblu li hemm differenza bejn tifel li (għal raguni valida jew b’kapriċċ) ma għamilx ix-xogħol tad-dar, u ieħor li refa’ jdejh fuq sieħbu fil-klassi.   Fil-mument dan jista’ jġib rabja, imma jiena ċert li jekk il-messaġġ ikun imwassal sew, allura ikun apprezzat mill-istess tifel, u jgħinu jikber fil-formazzjoni tiegħu.

Il-messaġġ jitwassal sew meta apparti r-rikonoxximent tal-ħtija, ikun hemm ukoll apprezzament l-ewwel nett tal-isforzi li t-tifel ikun qed jagħmel biex jimxi sew, kif ukoll ta’ dawk l-esiġenzi interni (bħal pereżempju limitazzjonijiet marbuta ma’ dik l-età), u esterni (bħal pereżempju il-peer pressure) li jkunu qed iħajru lit-tifel biex iġib ruħu b’dan il-mod. Kemm hu importanti li tifel ma jkunx ittimbrat, u muri li anke jekk żbalja, il-ġenituri u l-edukaturi tiegħu għadhom jafdaw fih.  Għalhekk l-adulti għandhom jaraw li ma jħallux ir-rabja tiġri bihom.  Jifhmu li l-korrezzjoni għandha ssir b’imħabba.

“L-iben li jiżbalja, għandu jiġi kkoreġut, imma qatt bħal li kieku kien xi għadu jew qisu xi wieħed li fuqu għandhom jiżvogaw ir-rabja kollha tagħhom.”[10]

Id-dixxiplina qiegħda hemm biex wieħed ikun stimulat biex jimxi ‘l quddiem, u jissawwar  f’żagħżugħ u adult b’viżjoni bilanċjata tiegħu nnifsu u tal-oħrajn.  Jeżistu żewġ estremi. Minn banda hemm dawk li jaħsbu li fid-dinja għandhom drittijiet biss, u xejn dmirijiet u responsabiltajiet.  Minn naħa l-oħra hemm dawk l-imsejknin li tilfu kull sens ta’ self esteem.  Il-ħidma tagħna l-ġenituri u edukaturi għandha fil-fatt tiffoka fuq il-ħolqien ta’ viżjoni bilanċjata tal-ħajja, fejn kull individwu jgawdi u joffri rispett, u fejn kull individwu wkoll jagħraf li huwa suġġett kemm ta’ drittijiet kif ukoll ta’ dmirijiet; bniedem responsabbli.

 

4. Inżommu Saqajna mal-Art

Forsi għax aħna kbar fl-età, u għaddejna minn esperjenzi differenti u wasalna, anke permezz tal-iżbalji tagħna, għal ċerta maturità, nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li naħsbu li t-tfal qegħdin fl-istess stadju tagħna.  Din ir-riflessjoni tiftħilna għajnejna biex nirrealizzaw li…

  1. Mit-tfal ma nistennewx iżżejjed.  Mhux ma nippretendu xejn, iżda irridu naraw li dak li nistennew minnhom ikun possibbli li jilħquh.  Passi żgħar li wieħed jistà jifhimhom, jaċċettahom u japprezzahom.  Jekk nitolbu iżżejjed, ma niskbu xejn.[11]
  2. It-tfal minna jistennew il-perfezzjoni.  Jistennew li aħna ma niżbaljaw qatt.  Għaldaqstant jistà ikun diżappunt għalihom meta jindunaw li aħna l-kbar inġorru tbatijiet u imperfezzjonijiet.  Forsi sakemm jikbru ftit u jindunaw li fl-aħħar mill-aħħar qegħdin f’baħar uman wieħed.  L-importanti huwa li nuru li aħna kapaċi nagħrfu u nistinkaw biex negħlbu l-limitazzjonijiet tagħna.   Dan kollu filwaqt li ngħinuhom fl-iżvilupp tagħhom lejn il-maturità.[12]
  3. Meta nipproponu l-valuri tagħna, jeħtieġ li nimxu pass pass, filwaqt li dejjem inżommu f’moħħna l-età, il-maturità, u ċ-ċirkustanzi ta’ kull tifel jew żagħżugħ li għandna quddiemna.[13]
  4. Il-libertà ngħożżuha tassew, imma l-libertà ma tfissirx li nħallu kollox għaddej.  Irridu nagħtu direzzjoni.  Dak li hu tajjeb insejħulu tajjeb, u napprezzawh.  Dak li hu ħazin irridu inżommuh bħala ħażin, u ma nistgħux nieħdu l-attitudni ta’ “mhux xorta” jew saħansitra nibdew ngħidulu tajjeb!

 

Għeżież ġenituri, intom għandkom post privileġġat fil-proċess ta’ formazzjoni li jridu jgħaddu minnu wliedkom.   “Il-familja hija l-ewwel skola tal-valuri umani”[14], u allura fuqkom jaqa’ l-ewwel dmir[15] li tedukaw lill-uliedkom bil-kliem u bl-eżempju biex huma jħaddmu sew il-libertà tagħhom. Ħa ngħidu kollox… din hija sfida kbira, speċjalment fid-dinja tal-lum, fejn donnu is-soċjetà ta’ madwarna aktar tmexxina lejn valuri anti-kristjani.

Fortunatament hemm ħafna x’jgħin ukoll, għax jekk il-forzi tal-ħażen huma kbar, il-qawwa ta’ Alla hija akbar.  Il-komunità nisranija tgħin fil-formazzjoni tal-ulied bil-mod tagħha.  Tgħin ukoll b’mod qawwi l-iskola kattolika, li għandha d-dmir li toffri għajnuna lill-ġenituri fid-dmir serju u ewlieni  tagħhom li jedukaw.   Fil-kalendarju tal-Kulleġġ tagħna għandna diversi mumenti li fihom nidħlu aktar fil-fond f’dan il-qasam: seminars, parental skills courses, ċelebrazzjoni tal-quddiesa u get-together wara, weekend encounter, eċċ.  Dan apparti l-attenzjoni lejn it-tfal u d-diskussjonijiet li jkollna fuq livell individwali.

“L-iskejjel Kattoliċi għandhom jiġu mħeġġa fil-missjoni tagħhom li jgħinu lill-istudenti jikbru bħala adulti maturi li jistgħu jħarsu lejn id-dinja mil-lenti ta’ mħabba  ta’ Gesu’ u li jifhmu l-ħajja bħala sejha biex jaqdu lil Alla.”[16] F’dan il-qasam qatt ma tistà tgħid li hemm biżżejjed, imma ta’ min isemmi l-esperjenzi extra kurrikulari, bħall-outreaches u live-ins li jigu organizzati fil-Kulleġġ tagħna fuq bażi regolari.   Grazzi kbira lill-edukaturi li jieħdu ħsieb jorganizzaw u jmexxu dawn l-attivitajiet.

 

Biex nagħlaq…

L-edukazzjoni, fis-sens wiesgħa tagħha, minn żvilupp akkademiku sa’ formazzjoni ta’ karattru matur nisrani, hija sfida u titlob impenn sħiħ mill-ġenituri u mill-edukaturi. Ilkoll nagħrfu li d-diffikultajiet huma kbar.  Huwa ferm tajjeb li l-familja u l-iskola jaħdmu id f’id b’risq din il-missjoni ta’ mħabba lejn it-tfal u ż-żgħażagħ.  Kemm ikun sew kieku s-soċjetà ta’ madwarna tagħraf dan l-impenn, u taħdem, anke jekk b’sagrifiċċju, b’risq dan il-għan.  Kemm ikun sew kieku òt-tfal u ż-żgħażagħ ma jħallux lilhom infushom jinġarru minn valuri ta’ ħsara u mhux ta’ ġid.  Wara tant stennija, impenn, ħidma, sagrifiċċju, u turija ta’ mħabba, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-ġenituri u edukaturi meta jaraw lit-tfal jiżviluppaw f’żgħażagħ u adulti maturi u tal-affari tagħhom.  Għal dan nitolbu lil Alla jgħinna.  Awguri mill-qalb lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ tagħna.

Grazzi

 

Fr Silvio Bezzina mssp

11 ta’ Marzu 2017


[1] Papa Franġisku: Amoris Laetitia, il-Ferħ tal-Imħabba, Reliġjon u Ħajja, Malta, 2016, No.259

[2] Ibid., No 260

[3] Ibid., No 261

[4] Ibid., No 264

[5] Ibid., No 263

[6] Papa Franġisku: Laudato Si`, Rome, 2015,

[7] Ibid., No 265

[8] Ibid., No 265

[9] Ibid., No 268

[10] Ibid., No 269

[11] Ibid., No 271

[12] Ibid., No 272

[13] Ibid., No 273

[14] Ibid., No 274

[15] Kodiċi tal-Liġi Kanonika, Kan 1136

[16] Sinodu tal-Isqfijiet: Relatio Finalis 2015, 68