Rector’s Speech – 2016

Jum il-Premjazzjoni

Għas-Sena Skolastika 2014/2015

Is-Sibt, 20 ta’ Frar 2016


Nedukaw b’Imħabba u Ħerqa


Għażiża

Sinjura Jacqueline Vanhear, Direttur fil-Quality Assurance Department,

Fr Frankie Cini, Vigarju tas-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, f’Malta,

Mistednin Distini, Ġenituri u Studenti,

Insellmilkom, u nirringrazzjakom li llejla tinsabu hawn magħna għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tal-premjijiet. Il-preżenza tagħkom hija ta’ inkoraġġiment għalina lkoll, speċjalment għall-istudenti tagħna.

Xi ġimgħat ilu, waqt li kont qed nimxi fil-kuritur tal-iskola, sibt ruħi nitkellem ma’ student, u wara li għedna erba’ kelmiet, dar fuqi u staqsieni: Inti, eżattament, x’tagħmel fl-iskola? F’dik in-nofs sekonda dort dawra mal-kuritur ta’ moħħi (did-darba), nipprova nagħmel lista tal-elf ħaġa li jiena, bl-għajnuna ta’ aktar minn mitt ħaddiem u edukatur fil-Kulleġġ tagħna, nipprova nagħmel sabiex noffri edukazzjoni ħolistika u ta’ kwalita’ lill-istudenti tagħna. Kompla jgħid “għax dejjem narak hawn iddur”! Ma kelli ċans la naħseb u lanqas inwiegbu, għax lemaħ xi ħbieb minn tiegħu jilagħbu catch u ħarab għal warajhom.

Wara, meta sibt ftit ħin għalija fil-kwiet, qgħadt naħseb bis-serjetà fuq dan. Il-mistoqsija tibqa’: Jien x’qed nagħmel hawn? X’inhu r-rwol tiegħi? L-edukaturi fil-Kulleġġ x’qed jagħmlu? U ħa nġebbidha ftit… intom il-genituri, x’qed tagħmlu biex tedukaw lil uliedkom? Kif inħarsu lejn l-edukazzjoni, u x’qed nippruvaw inwasslu lill-istudenti minn Junior 1 sa Senior 5?

Il-ħsieb tiegħi ġera lejn l-opportunità u esperjenza sabiħa li kelli f’Novembru li għadda, flimkien ma’ rappreżentanti oħra tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, mill-Fakultà tal-Edukazzjoni, u mill-Iskejjel Kattoliċi, meta attendejna għall-Kungress Dinji organizzat mill-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, ġewwa Castel Gandolfo, Ruma, intitulat: Educating Today and Tomorrow: A Renewing Passion, (Nedukaw illum u għada: Inġeddu l-Ħerqa). Tul dawk il-ġranet, flimkien ma’ aktar minn 1,200 edukatur minn madwar id-dinja, irriflettejna dwar ir-realtà ta’ aktar minn 210,000 Skola u 1,800 Università Kattolika. Il-Kulleġġ tagħna hu wieħed minn dawn l-iskejjel, u dak li ntqal fiċ-Ċentru Marjapoli ta’ Castel Gandolfo hu wkoll frott tal-esperjenza tagħna, u ta’ lejn x’hiex irridu inħarsu ‘l quddiem.

Minn fejn tlaqna

L-istorja bdiet 50 sena ilu, meta filwaqt li bosta minna konna għadna tfal u oħrajn kienu biss fil-ħsieb ta’ Alla, il-Koncilju Vatikan II ippubblika d-dikjarazzjoni Gravissimum Educationis, (l-Importanza tal-Edukazzjoni), fit-28 ta’ Ottubru 1965. Permezz tagħha u tal-Kostituzzjoni Appostolika Lumen Gentium, (Id-Dawl tal-Gnus), l-isqfijiet preżenti ġibdu l-attenzjoni ta’ kull nisrani għall-importanza tal-edukazzjoni billi offrew linji gwida fuq diversi aspetti tal-edukazzjoni. Fosthom saħqu:

• Li l-edukazzjoni u t-tagħlim huma dritt universali ta’ kulħadd;

• Li l-edukazzjoni tifforma parti mill-ġid komuni tal-umanità;

• Li l-kultura u l-edukazzjoni mhumiex il-qaddejja tal-poter ekonomiku, imma valur fihom infushom;

• Fuq ir-rieda tal-Knisja li taħdem favur l-iżvilupp personali, u l-binja ta’ soċjetà aktar umana.

Fuq nota aktar spiritwali, il-Gravissimum Educationis u l-Lumen Gentium (#11, 17) jitkellmu dwar:

• L-edukazzjoni Nisranija bħala ħidma ta’ evanġelizazzjoni;

• In-natura sagramentali tal-edukazzjoni, u għalhekk l-enfasi fuq l-Ewkaristija bħala għarfien tal-Kelma ta’ Alla u tal-għotja tiegħu għalina;

• Il-bżonn li l-formazzjoni nisranija tikber id f’id mal-iżvilupp uman, u hekk tiġi evitata t-tentazzjoni li nifirdu dak li naħsbu li hu uman minn dak li hu spiritwali;

• It-tqarrib tal-knisja lejn d-dinja fqira permezz tal-edukazzjoni.

Imbagħad 25 sena wara (1990), il-Papa Gwanni Pawlu II kompla billi kiteb il-Kostituzzjoni Appostolika Ex Corde Ecclesiae (Mill-Qalb tal-Knisja). Hawn il-Papa saħaq fuq l-importanza tal-universitajiet Kattoliċi bħala bibien għall-għarfien tal-verità dwar il-ħolqien, il-bniedem, u Alla. Hekk jinfetaħ djalogu mal-kulturi kollha.

Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ dokumenti u l-frott ta’ ħafna esperjenza, wieħed jista’ jitkellem dwar l-iskejjel bħala l-postijiet fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu kif jgħixu, jintegraw ruħhom fis-socjetà, jitħarrġu għall-impjieg, u jimpenjaw rwieħhom għall-ġid komuni. L-iskejjel joffru lok u opportunità biex wieħed jifhem u jagħraf aħjar iż-żmien li qed ngħixu fih, jaqra s-sinjali taż-żminijiet u jħares lejn il-futur b’impenn u kuraġġ. Fil-qalba tal-edukazzjoni Nisranija hemm l-għeruq spiritwali tagħna bħala Nsara, li filwaqt li nissaħħu fihom, jagħtuna l-għodda biex inkunu nistgħu niltaqgħu ma’ kulturi u twemmin ieħor.

Dak li qed jiġri f’Malta bħalissa, forsi aktar minn snin oħra, jiftħilna għajnejna għar-rejaltà tal-multikulturaliżmu. Ir-rispett lejn kulturi oħra għandu jkun dejjem hemm, u dan iwassalna biex, filwaqt li nagħrfu s-sabiħ fl-oħrajn, nagħrfu aktar it-tajjeb u s-sabiħ li aħna għandna. Anzi nasal ngħid, li meta nagħraf nirrispetta dak li hu ta’ ħaddieħor, nitgħallem napprezza aktar dak li hu tiegħi. Dak li hu għażiż għalija jsir aktar għażiż.

 

 

Nirriflettu: Aħna napprezzaw verament il-Kultura u t-Twemmin Nisrani tagħna? Kemm ninvestu ħin u enerġija f’dan ir-rigward? Qed nissudaw? Jista’ jkun li, qabel ma nissaħħu f’dak li hu tagħna, qed nagħtu aktar importanza lil kulturi u twemmin barrani? Jista’ jkun li qed narmu d-deheb li għadna ma għarafniex filwaqt li nissaħħru wara x-xinxilli?


 

Nitkellmu wkoll dwar il-fatt li l-iskejjel jedukaw tfal, persuni, bnedmin, f’kuntest ħaj fejn hemm il-laqgħa bejn l-edukaturi u l-istudenti. Huwa ambjent uman, ambjent li ħafna drabi jsostni, imma xi kultant jisfida, il-process tat-tagħlim. Il-valuri mħaddna mill-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri (familji) jaffettwaw bil-kbir il-mod kif dawn kollha jirrelataw ma’ xulxin. U għalhekk il-bżonn li niffurmaw rwieħna u nħaddnu valuri tajbin…

• Li juru rispett lejn id-dinjità tal-individwu, bil-kapaċitajiet, talenti, ħiliet u abiltajiet tiegħu;

• Li jgħinuna nirrispettaw lill-oħrajn, bl-ideat u l-valuri tagħhom, u fi spirtu ta’ djalogu ġenwin ngħixu, nitgħallmu u naħdmu magħhom;

• Li jagħmluna kapaċi nieqfu ma’ min hu batut u ma’ min għandu bżonn ta’ ħniena u mogħdrija. F’din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa Franġisku qed jisħaq ħafna fuq dan.

Aktar minn hekk, lilna l-edukaturi, dawn huma l-valuri…

• Li jħeġġuna biex nipprovdu opportunitajiet adekwati ta’ tagħlim;

• Li jġibulna quddiem għajnejna l-bżonn ta’ edukazzjoni u formazzjoni ħolistika;

• Li bihom ninkoraġġixxu kull student jiżviluppa u jħaddem it-talenti tiegħu, f’kooperazzjoni u solidarjetà mal-oħrajn.

 

 

Nirriflettu: Kif qed ngħixu dawn il-valuri fil-Kulleġġ tagħna? Qed ninpenjaw rwieħna għalihom? X’jgħinna? X’jtellifna? Kif nistgħu nkomplu niżviluppaw u nsaħħu dak li nemmnu fih?


 

Inġeddu l-ħerqa tagħna għall-edukazzjoni

Inkomplu nirriflettu wkoll kif aħna bdejna, xi ħlomna, u kif ħdimna biex inpoġġu fil-prattika dak li emminna fih. Din ir-riflessjoni tgħinna nħarsu ‘l quddiem, u riflessjoni aktar qawwija tħeġġiġna sabiex ngħixu dak li nemmnu fih b’aktar impenn u entużjażmu.

Dan kien wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Kungress Dinji. Li tiċċelebra l-memorja u l-għajxien fil-prattika ta’ dawn iż-żewġ dokumenti hija diġà xi ħaġa kbira. Li tieħu l-okkażjoni biex tiġġedded u tkompli timtela b’entużjażmu u ħerqa għall-edukazzjoni, hija ħaġa akbar. Dan jirnexxilek tagħmlu meta tiltaqa’ flimkien biex tevalwa l-isfidi edukattivi tal-lum, meta taqsam l-esperjenza tiegħek ma’ ħaddieħor, u tisma’ dak li ħaddieħor qed jesperjenza, l-isfidi li jiltaqa’ magħhom, u kif qiegħed iwieġeb għalihom.

Ngħid għalija kont impressjonat bil-mod kif ħafna nies, fiċ-ċirkustanzi xi drabi diffiċli ħafna f’pajjiżhom jew f’artijiet oħra fejn qed jaħdmu, huma impenjati b’risq l-edukazzjoni u l-formazzjoni nisranija tat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-viżjoni nisranija tgħinhom ikunu impenjati u iffukati f’ħidmiethom, u jwasslu lil ħafna oħrajn għall-għarfien tal-kobor tagħhom bħala ulied Alla. Il-proġett edukattiv tal-knisja jwassal biex aktar nies jagħrfu dak li huma msejħin għalih, u jgħixuh bit-tama, speċjalment f’żoni aktar foqra madwar id-dinja.

 

Nirriflettu: Aħna għandna viżjoni nisranija tal-ħajja? Nagħrfu li aħna ulied Alla, u aħwa ta’ xulxin? Qed ngħix bit-tama u naħdem għal futur aħjar għalija u għall-ohrajn? Qed nimpenja ruħi b’risq il-ġid komuni?


 

Waqt il-Kungress ġew analizzati u diskussi erba’ temi prinċipali, li nixtieq nirrifletti fuqhom.

1. L-Identità u l-Missjoni tal-Istituzzjonijiet Kattoliċi

Teżisti rabta qawwija bejn l-identità u l-missjoni tal-iskola Kattolika. Il-missjoni edukattiva kattolika toħroġ mill-identità tal-knisja. Fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu l-kliem “Morru fid-dinja kollha u xandru l-bxara t-tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Il-kmand ta’ Gesù jqanqalna biex ma nkunux sempliċement reattivi għal dak li qed jiġri madwarna. Irridu nkunu pro-attivi. F’kelma oħra, dan il-messaġġ tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin, għandu jkun, u huwa, mwaħħad mal-missjoni edukattiva kattolika.

Ma nistgħux ningħalqu fina nfusna quddiem soċjetà sekularizzata li ssostni valuri ta’ kompetizzjoni, individwaliżmu u inugwaljanza. Kemm hu faċli ninġarru mill-valuri tad-dinja ta’ madwarna u nħarsu lejn is-suċċess, il-kompetizzjoni, l-effiċjenza, il-qligħ u l-ġid personali b’mod li nagħtuhom l-ewwel post f’ħajjitna!

Il-valur tal-persuna, tal-komunità, tal-ġid komuni, u tal-attenzjoni lejn min hu batut u żvantaġġat, għandhom ikunu l-valuri li jħeġġuna nkunu pro-attivi fil-ħidma tagħna. Hekk inkunu qegħdin insostnu l-valur tal-persuna umana, u npoġġuha f’post aktar prominenti f’ħajjitna u s-socjetà ta’ madwarna. Dan fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu nnifsu.

 

Nirriflettu: Qed nagħtu valur lil KULL persuna li tagħmel parti mill-Kulleġġ tagħna? X’inhumal-valuri li jmexxuna fil-ħidma tagħna? Kif inġib ruħi ma’ ħaddieħor?

 

 

2. L-Imsieħba fl-Edukazzjoni

Fil-Kulleġġ tagħna dejjem għarafna li l-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri (il-familja) huma l-imsieħba edukattivi. Ma nistgħux nimmaġinaw skola li ma timpenjax bis-sħiħ lil dawn it-tlett imsieħba f’ħidma flimkien. B’dan il-mod jiffurmaw il-komunità edukattiva, liema komunità timpenja ruħha, l-ewwelnet, favur il-formazzjoni ħolistika tal-istudent. Imma mhux biss.

Naħseb li lkoll naqblu li ir-realtà tal-ħajja tal-lum hija ħafna differenti minn dik li għexna aħna f’żgħożitna. Għalqastant ma tantx għadna ngħidu: “għax meta konna żgħar, hekk konna nagħmlu!” Lanqas ma tant nistgħu nimmaġinaw kif konna meta kellna ħdax, tlettax, ħmistax-il sena, u naħsbu li nistgħu nagħmlu fast forward għall-ġurnata tal-lum, u qisu ma nbidel xejn minn żmienna. Inkunu qegħdin nippruvaw indaħħlu ċirku fi kwadru!

Inħarsu lejn iż-żagħżugħ u nippruvaw naħsbu u nirriflettu x’inhu għaddej minn dak il-moħħ? Meta naħsbu li fhimna, nindunaw li għadna lura, u rridu nibdew mill-ġdid. Apparti t-taqlib tal-adolexxenza, hemm ukoll is-socjetà dejjem aktar materjalista, l-effett tal-ħbieb, is-social media, id-data overload (informazzjoni tajba u ħażina minn kullimkien u l-ħin kollu), l-impatt ta’ valuri impurtati minn barra u li qed isiru tagħna, u elf ħaġa oħra. Għandna bżonn ikollna umiltà biżżejjed biex naċċettaw il-fatt li qatt ma nistgħu nifhmu biżżejjed dak li ż-żagħzagħ tagħna ikunu għaddejjin minnu.

Mhux ta’ b’xejn li ħafna ġenituri xi kultant isibu diffikultajiet kbar fit-trobbija tal-ulied. Nifhem ħafna lil dak il-missier li jgħidli li ma għadux jagħraf aktar lil ibnu, lil dik l-omm li tgħidli li ma tistax issib aktar tarfu. Nifhem l-uġigħ, il-frustrazzjoni, il-biża minn xi deċiżjoni ħażina, l-inċertezza u d-dubju rigward it-trobbija. Tħobb dejjem, iva. Imma kemm se tieħu paċenzja? Kemm se tistenna? Hemm limitu? Liema hi l-aħjar triq li twassal għal formazzjoni tajba tal-karattru?

Fix-xewqa tagħna li nifhmu aħjar lill-ulied, nistgħu nduru lejhom u ngħidulhom ċar u tond li għalina mhux dejjem faċli li nifhmu dak kollu li jkunu għaddejjin minnu. Nixtiequ nistaqsu dwar ħafna ħwejjeġ. Għax inħobbuhom, nixtiequ li nifhmu. Nixtiequ nkunu nafu. Ħadd ħlief iż-żgħażagħ stess ma jistgħu jgħidulna kif qed iħossuhom, u jagħtuna risposta għall-mistoqsija: Xi tfisser tkun żagħżugħ illum?

Intom studenti, għinnuna nifhmukom. Kellmuna. Aħna lesti li nisimgħu. Żgur li tifhmu li ma nistgħux naqblu magħkom f’kollox, u dan għas-semplici raġuni li għandna aktar esperjenza tal-ħajja. Imma hija x-xewqa tagħna li nkunu nafu iktar minn x’hiex intom għaddejjin. Għinuna nifhmukom. Ħudu paċenzja bina meta ndumu jew ma jirnexxilniex. Agħtuna ċ-ċans li nħobbukom b’dan il-mod. Żommu qalbkom u moħħkom miftuħa għal dak li nwasslulkom. Aħna l-kbar hekk qed nippruvaw nagħmlu.

Iċ-ċirku jingħaqad meta aħna l-kbar naqsmu ma’ xulxin dak li qed nitgħallmu dwar l-ulied, l-irġiel ta’ għada. Għalhekk qegħdin hawn.

Ejjew infittxu modi kif ilkoll kemm aħna, edukaturi, ġenituri (familji) u wlied, nikkomunikaw aħjar ma’ xulxin. L-iskop huwa dejjem li nifhmu kif nistgħu noffru mill-aħjar li għandna liż-żgħażagħ tagħna. Hekk ngħinuhom jiffurmaw rwieħhom bħala bnedmin sħaħ, kompetenti fl-oqsma tagħhom, u motivati biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar kif jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod bħalma tixtieq minnhom l-imħabba ta’ Alla.

 

 

Nirriflettu: Jiena student? Edukatur? Ġenitur? Nifhem il-bżonn li naħdem, b’doża ta’ umiltà u mogħdrija, id f’id mal-oħrajn favur l-iżvilupp uman tiegħi nnifsi u tal-oħrajn?


 

3. Il-Formazzjoni tal-Edukaturi

Il-binja tal-komunità edukattiva, kif ukoll l-għarfien tal-missjoni u l-identità tal-iskola Kattolika jistrieħu fuq il-formazzjoni kontinwa tal-edukaturi. Ħadd ma jista’ jgħid li la ggradwa, issa lest, ma għandux għalfejn jisma’, jaqra u jevalwa.

Kull edukatur iħoss il-bżonn li jġedded l-iżvilupp professjonali tiegħu. Li jkun kapaċi jaħdem għal rasu u ma’ oħrajn f’relazzjoni karatterizzata b’interdipendenza, kapaċi jippjana u jfassal pjan ta’ azzjoni, kapaċi jkun kreattiv u jirrispondi għall-ħtiġijiet b’mod pro-attiv, filwaqt li jżomm moħħu miftuħ għal ideat u metodi ġodda ta’ tagħlim. Dan kollu minħabba l-fatt li fi żmienna, l-affarijiet qed jinbidlu b’rata mgħaġġla Fl-istess ħin ikun kapaċi wkoll jagħraf ir-responsabiltà kbira li jġorr, u jwettaqha b’imħabba, impenn, ġenerożità u dedikazzjoni.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nagħrfu l-bżonn li t-taħriġ tal-bidu irid ikun akkumpanjat minn taħriġ kontinwu. Ma’ dan norbtu wkoll il-formazzjoni fil-ħajja nisranija. Ilkoll qegħdin f’mixja li twassalna għand il-Mulej, u bħala nsara nafu biżżejjed x’inhi t-triq. Taħriġ professjonali, flimkien ma’ formazzjoni nisranija jagħmlu mill-edukatur bniedem li jsostni l-komunità nisranija edukattiva. Fi żmien li fih il-lajk nisrani qed isib aktar postu fil-ħidma tal-komunità nisranija, il-bżonn ta’ formazzjoni kontinwa jinħass aktar. Spiċċa ż-żmien li ngħidu li ħaddieħor huwa responsabbli. Issa rrid inkun responsabbli jien.

Dan li qed ngħid jgħodd kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-ġenituri. Lill-edukaturi (u bħal dejjem, hawn ukoll ninkludi lili innifsi) inħeġġiġhom jieħdu dejjem iktar bis-serjetà it-taħriġ pedagoġiku u l-formazzjoni nisranija tagħhom. Lill-ġenituri inħeġġiġhom jimpenjaw aktar rwieħhom biex jitgħallmu u jkunu dejjem aktar ippreparati biex jakkumpanjaw lil uliedhom fl-iżvilupp tagħhom. Kif għedt qabel, ma nistgħux nistrieħu fuq dak li ġarrabna aħna meta konna għadna żgħar. Filwaqt li l-valuri nsara ma jinbidlux, iċ-ċirkustanzi iva. U magħhom jinbidel il-mod kif inpoġġu fil-prattika dawn il-valuri fil-ħajja mgħaġġla u kkumplikata tal-lum.

 

Nirriflettu. Kemm jiena impenjat favur t-taħriġ professjonali u l-formazzjoni nisranija tiegħi? Qed insostni lili nnifsi biex minn banda ma nsirx medjokri, u mill-banda l-oħra noffri servizz professjonali aħjar? Qed nimmatura fil-fidi tiegħi, u qed nagħti xhieda tajba?


 

4. Sfidi fil-Qasam Edukattiv

Fil-qalba tal-edukazzjoni Kattolika hemm il-persuna ta’ Gesù Kristu, u li kull ma jiġri fl-iskola għandu jwassal għal-laqgħa ma’ Kristu ħaj. Ħajja għandha tkun ukoll il-memorja storika ta’ Alla li sar bniedem f’Gesu’ Kristu. L-iskejjel għandhom post privileġġat f’din ir-realtà, għaliex għandhom il-possibiltà li joffru akkumpanjament fuq kull livell, akkademiku, psikoloġiku, soċjali u anke spiritwali, għal tul ta’ żmien.

It-tagħlim fl-iskola iwassal tagħrif. Imma dan mhux biżżejjed. Kieku kien biżżejjed, il-kompjuter imqabbad mal-internet li għandi quddiemi jiena u nikteb dawn il-versi huwa aqwa minn kull skola li teżisti. Teduka, għalina tfisser ukoll toffri formazzjoni, takkumpanja, tindokra, sakemm l-individwu jkun lest li jibda jiffaċċa r-realtà bħala adult responsabbli u nisrani.

Fil-qasam edukattiv kattoliku, jeżistu ħafna sfidi (kif identifikat mid-dokument preparatorju tal-Kungress) marbuta:

1. mat-tisħiħ tal-identità tal-iskejjel kattoliċi,

2. mal-binja tal-komunità skolastika,

3. mad-djalogu fis-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna,

4. mas-soċjetà li qed tikber fit-tagħlim,

5. mal-edukazzjoni ħolistika u integrali,

6. mal-limitazzjoni ta’ riżorsi,

7. mal-iżvilupp pastorali, il-formazzjoni reliġjuża u spiritwali,

8. mar-relazzjoni ma’ soċjetajiet multi-reliġjużi u multi kulturali,

9. mat-taħriġ tal-għalliema, u

10. ma’ aspetti legali.

Taqrahom biss ukoll jaqtgħulek nifsek, aħseb u ara tħabbat wiċċek magħhom kuljum. Imma dawn huma l-isfidi li l-iskejjel kattoliċi qed jiffaċċjaw fid-dinja tal-lum, f’soċjeta multikulturali u li għaddejja minn taqlib qawwi u kontinwu.

Kull komunità skolastika, inkluż il-Kulleġġ tagħna, tiffaċċja sfidi fl-oqsma tal-edukazzjoni ħolistika tal-istudenti; tal-formazzjoni u l-fidi; u tal-inkużjoni ta’ kull persuna, bil-ħiliet u l-bżonnijiet tagħha, dik li l-Papa Franġisku jirreferi għaliha bħala l-isfida tal-“periferija”, bl-uċuħ ġodda ta’ faqar.

 

Nirriflettu: Liema huma l-isfidi li l-aktar li jkidduni? X’qed nagħmel biex nirbaħhom? Jirnexxieli nifhem il-pożizzjoni ta’ ħaddieħor u l-isfidi li għandu jew għandha? Lest li noffri l-għajnuna tiegħi?

 

 

Il-Messaġġ ta’ Papa Franġisku

Kulħadd kien ħerqan li jiltaqà ma’ Papa Franġisku fl-aħħar ġurnata tal-Kungress fis-Sala Pawlu VI. Bil-mod sempliċi iżda profond tiegħu, tkellem dwar xi aspetti tal-edukazzjoni.

Il-Papa tkellem dwar il-bżonn li l-iskola terġa’ tiskopri l-edukazzjoni informali. Dan minħabba l-fatt li l-edukazzjoni formali u teknika, jiġifieri tal-ħsieb, qiegħda tieħu l-post prominenti u qed jintnesew aspetti oħra. Dan hu l-lingwaġġ tal-moħħ, li waħdu jfaqqar il-bniedem, jgħid il-Papa. Għalhekk il-bżonn tal-arti u tal-isport. Donnu kien jaf il-Papa kemm fil-Kulleġġ tagħna nagħtu importanza lil dawn l-oqsma, u li bħalissa qed inħejju biex ikollna grawnd tat-turf!

Tkellem dwar il-lingwaġġ tal-moħħ, il-lingwaġġ tal-qalb, u l-lingwaġġ tal-idejn. Għalhekk…

• Trid titgħallem biex tkun tagħraf taħseb, u hekk tizviluppa l-lingwaġġ tal-moħħ.

• Trid tgħin biex tħossok tajjeb, u hekk tiżviluppa l-lingwa tal-qalb.

• Trid takkumpanja biex twettaq xi ħaġa, u hekk tiżviluppa l-lingwaġġ tal-id.

Kollox f’armonija: li wieħed jaħseb dak li jħoss u jwettaq; iħoss dak li jaħseb u jwettaq; u jwettaq dak li jaħseb u jħoss. Minn dan jiġi li skola vera tgħallem kunċetti, drawwiet tajba, u valuri.

Fl-edukazzjoni wieħed irid jieħu riskji, jgħid il-Papa. Bħal omm u missier li biex jgħallmu lil binhom jimxi juruh kif għandu jsammar sieq waħda mal-art u bl-oħra jagħmel pass biex jimxi ‘l quddiem. Jista’ jaqa’, imma jekk jaqa’ kapaċi jilqa’ u ma jweġġgħax. Kull edukatur jieħu riskju, riskju kalkulat. Aħna nħobbu ngħidu li tfal miżmuma ġo bozza ma jikbrux. Jiġrilhom bħall-ġulbiena tal-Milied. Sabiħa imma bla saħħa! Ftit iddum.

Marbuta ma’ dan hemm l-isfida tal-ħitan. Ħitan li jżommuna magħluqin ġewwa fina. Ħitan li jipproteġuna, iżda wkoll li jwassluna biex neskludu lill-oħrajn, biex inkunu selettivi. Dawn il-ħitan jeħtieg li jiġġarrfu. Hawn hu r-riskju. X’se jkun il-ġejjieni? Għandna idea, imma mhux stampa ċara. Ħames snin ilu twaqqaf l-eżami tal-Common Entrance. L-ewwel studenti “tal-polza” issa qegħdin fl-aħħar sena. Waslu għall-O-levels! Dan flimkien mar-realtà ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali fil-Kulleġġ. Din ir-realtà sabiħa ta’ ħafna kuluri ma kinitx tkun possibbli bla tiġrif ta’ ħitan.

Il-Papa għalaq id-diskors tiegħu billi stedinna nirriflettu, waħidna u fil-komunità, dwar l-opri tal-ħniena. F’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, il-ħniena tfisser tagħti xi ħaġa tal-flus? Titfa’ xi ħaġa aktar fil-kopp tas-sagristan? Is-sagristan jieħu gost kieku, imma Alla ħares nibdew u nispiċċaw hemm!

 

Nirriflettu: X’nista’ nagħmel sabiex l-opri tal-ħniena jitwasslu u ngħixuhom fl-iskola? Kif nista’ inkun aktar ħanin, nuri aktar mogħdrija?

 

 

Nagħlaq b’żewġ kwotazzjonijiet. Fil-bidu tal-Kungress, Sr Yvonne Reungoat FMA stqarret:

One cannot educate without love and without passion (wieħed ma jistax jeduka mingħajr imħabba u mingħajr ħerqa). Fi tmiemu, il-Papa Frangisku għalaq billi qalilna: “il-ħerqa għall-edukazzjoni twassal biex il-bnedmin jiskopru aktar l-umanità tagħhom (umanizzare la gente). Lil dak it-tifel inwieġbu li dak li nagħmel hawn, hu li bil-għajnuna tal-kollegi, ġenituri u tiegħek stess, noffrulek edukazzjoni li sservik għal ħajtek kollha.

 

Grazzi

Fr Silvio Bezzina mssp

Rettur.

20 ta’ Frar 2016