Rector’s Speech – 2015

Jum il-Premjazzjoni

Għas-Sena Skolastika 2013/2014

 

Is-Sibt, 28 ta’ Frar 2015

50 Sena:  Ħarsa lura u ’l quddiem

 

Għażiż Fr Mark, Superjur Ġenerali, Mistednin Distini, Ġenituri, Studenti,

Insellmilkom, u nirringrazzjakom li l-llejla tinsabu hawn magħna għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tal-premjijiet.  Il-preżenza tagħkom hija ta’ inkoraġġiment għalina lkoll, speċjalment għall-istudenti tagħna.

Kif ċertament li tafu, din is-sena, fil-Kulleġġ tagħna qegħdin niċċelebraw il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-istess Kulleġġ.

Meta fl-1964, Fr Stanley Tomlin, dak iż-żmien superjur ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, flimkien mal-membri tas-Soċjetà, waqqfu l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, kienu qegħdin iħarsu lejn dan il-Kulleġġ bħala mod kif setgħu jagħtu s-sehem tagħhom fl-edukazzjoni ta’ wlied il-poplu tagħna, speċjalment dawk aktar foqra.  Is-Soċjetà kienet diġà qiegħda toffri l-ħidma tagħha, fuq l-eżempju ta’ Mons. Ġużeppi De Piro fost l-orfni u l-fqar tad-Dar ta’ San Ġużepp.  Imma riedu xi ħaġa aktar, xi ħaġa li tolqot aktar familji u tkompli ssaħħaħ il-valuri nsara, filwaqt li  tipprepara aktar żgħażagħ b’edukazzjoni ta’ kwalità.  Dawn setgħu joffru ħilithom għat-tkabbir  u l-iżvilupp ta’ pajjiżna.  Xtaqu wkoll joħolqu benniena ta’ vokazzjonijiet missjunarji.  Kellhom fiduċja li dak li kien qed jinbeda dak iż-żmien kellu jkompli jikber u jirnexxi, u bil-barka ta’ Alla jħalli ħafna frott.   Li forsi qatt ma mmaġinaw kien kif dik iż-żerriegħa żgħira li tefgħu fl-1964, illum, 50 sena wara, hija siġra mdaqqsa.  Siġra waħda,  parti minn bosk sħiħ li hi l-edukazzjoni f’pajjiżna u l-ħidma evanġelika f’Malta u barra minn xtutna.

Fil-bidu, fl-1964, kienu biss 19-il tifel, mgħallma minn ftit patrijiet, ġo kamra (li illum sservi ta’ sagristija) fis-sular ta’ isfel tal-Kunvent ta’ Sant’Agata (minn fejn ġej il-laqam tal-Kulleġġ!).   Milli nistà nifhem, lanqas uffiċċju għall-kap tal-iskola ma kien hemm.  Kien verament bidu ċkejken u fqir.  Imma anke jekk il-bini kien żgħir, il-qalb kienet kbira. Il-patrijiet offrew l-enerġija sħiħa tagħhom biex jiżviluppaw u jwettqu  il-missjoni li daħlu għaliha.

Illum, ħamsin sena wara, il-Kulleġġ issibu f’binja mdaqqsa mgħammra b’dak li hu bżonjuż għall-edukazzjoni.  Huwa ffurmat minn 560 student, madwar 500 familja, 100 edukatur u ħaddiema oħra.  Irċevew l-edukazzjoni tagħhom aktar minn 2,300 old boy li illum qegħdin jagħtu sehemhom, min b’mod u min b’ieħor, fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, filwaqt li jsaħħu t-tradizzjoni u l-ħajja nisranija.  Verament nistgħu ngħidu li l-qalb kbira ta’ 50 sena ilu ma ntilfitx fit-tkabbir li ġie wara.

Dan kollu huwa dovut għall-isforz, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ ħafna u ħafna nies.  Kemm jekk membri tas-Soċjeta’, kemm jekk ġenituri, kemm jekk ħbieb li emmnu f’dan il-proġett edukattiv, u kemm jekk old boys, ilkoll ħadmu biex tinbet, tixxettel u tikber siġra sabiħa.  Dan is-sens ta’ dover, flimkien ma’ doża qawwija ta’ mħabba lejn l-istudenti li attendew u li għadhom jattendu il-Kulleġġ, għenu sabiex tissawwar  din ir-realtà ta’ Kulleġġ Missjunarju. Ma nistax ma napprezzax il-ħidma dedikata u professjonali ta’ ħafna edukaturi fil-Kulleġġ, passati u preżenti, li anke b’sagrifiċċju personali kbir jimpenjaw ruħhom biex jedukaw lill-istudenti b’mod sħiħ u ħolistiku.  Ta’ spiss nara għalliema li b’sens ta’ dover isegwu lill-istudenti fil-ħin tar-rikreazzjoni u wara l-ħin tal-iskola, u b’sens ta’ mpenn spiritwali jorganizzaw mumenti sbieħ u ta’ żvilupp ħolistiku għall-istudenti.  Grazzi ferm.

 

Fażijiet fl-istorja u l-isfidi marbuta magħhom

Bejn il-bidu fl-1964 u llum l-2015 il-Kulleġġ għadda minn diversi fażijiet u storja ta’ proġress interessanti. Ħa nsemmi ftit punti…

  • Ftit snin biss wara l-bidu, inħass il-bżonn li l-Kulleġġ ikollu l-binja tiegħu, u fil-bidu tas-snin ’70 inbeda ix-xogħol.  L-ewwel klassijiet bdew jintużaw fl-1976, u dan l-awditorju fl-1982.
  • F’dawk iż-żminijiet l-istudenti kienu jidħlu fil-kulleġġ wara li joqogħdu għal eżami, u l-ewwel 50 kienu jiġu offruti post. Imbagħad il-Kulleġġ ingħaqad ma’ Kulleġġi oħra tal-Knisja u nbeda dak li kien magħruf bħala il-Common Entrance Examination fis-snin ’80.
  • Fis-snin ’80 ukoll il-Kulleġġ għadda minn kriżi li laqtet il-Kulleġġi kollha tal-Knisja. Il-ħidma tat-tmexxija tal-Kulleġġ, l-impenn tal-għalliema, is-sehem tal-ġenituri u saħansitra tal-istudenti wasslu biex din tintrebaħ u l-Kulleġġ tagħna kien ta’ eżempju sabiħ fost il-Kulleġġi tal-Knisja.
  • Fl-2011 seħħet bidla kbira oħra. Dik tal-bidu tal-Iskola Primarja fi ħdan il-Kulleġġ, u it-twaqqif tal-Common Entrance. Illum fostna, fl-ewwel klassi tal-iskola sekondarja, għandna dawk l-istudenti li daħlu fir-rabà klassi tal-iskola primarja fl-2011.  Merħba.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju tal-Kulleġġ, qiegħda tinkiteb l-istorja tal-Kulleġġ mis-Sur James De Giorgio, old boy u għalliem.  Ħerqanin nistennew din il-pubblikazzjoni.

Żgur li ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li l-iżvilupp tal-Kulleġġ tagħna kien żvilupp bla xkiel jew sfidi.  Minn dawn kellna kemm trid, u għad jibqà jkollna.  Insemmi xi ftit…

  • L-isfida biex tirbaħ ir-rispett u l-fiduċja tal-ġenituri li jafdaw lil uliedhom f’idejn Kulleġġ u għalliema ġodda, bla esperjenza reali.  Nifhmu li l-ewwel snin tal-Kulleġġ kienu diffiċli anke minn dan il-lat.
  • L-isfida tad-dubji fi ħdan l-istess Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.  “Agħmilna deċiżjoni tajba meta dħalna għal dan l-impenn?” “Mhux aħjar kieku dħalna għal biċċa xogħol oħra?!”  Illum ma għandna l-ebda dubju.
  • L-isfida finanzjarja, tal-bini u t-tagħmir tal-Kulleġġ.  Ir-riżorsi kienu limitati ferm.  Imma il-providenza ta’ Alla hija kbira tassew.
  • L-isfida tad-dħul ta’ studenti ġodda fil-Kulleġġ.  Kif seta’ l-Kulleġġ ikun inklussiv u jagħmilha possibbli għal kulħadd li jidħol fih.  Billi qatt ma ntalbu miżati għat-tagħlim, il-Kulleġġ dejjem kien miftuħ għal studenti minn kull qasam soċjali.  Illum lanqas l-abiltà akkademika ma hija kriterju.
  • L-isfida tal-qabża minn high ability għal mixed ability teaching, b’attenzjoni għall-abiltajiet u ħiliet differenti ta’ kulħadd.
  • L-isfida tal-ħolqien, bini u żvilupp ta’ skola primarja bħala parti mill-Kulleġġ f’dawn l-aħħar snin.
  • L-isfida tal-formazzjoni sana tal-karattru tal-istudent, b’rispett lejn l-individwalità tiegħu.

Inżidu wkoll il-mistoqsijiet marbuta mal-eżistenza nnifisha tal-Kulleġġ, mal-ethos tiegħu u mal-mod kif dan l-ethos qed jiġi mħaddem u mpoġġi fil-prattika fid-dinja tal-lum, u mal-mod kif il-Kulleġġ se jkompli jaqdi l-missjoni tiegħu fil-futur.  Dawn kollha huma  mistoqsijiet li jisfidawna, jġagħluna naħsbu u nirriflettu, u jixprunawna naslu għal tweġibiet u konklużjonijiet f’posthom.

Aktar minn qatt qabel illum inħarsu lejn il-provediment ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, edukazzjoni li tagħmel sens fi żmienna.  Hawn nixtieq insellem lill-edukaturi kollha fil-Kulleġġ, kemm passati u kemm preżenti, li dejjem raw kif għamlu biex jipprovdu din l-edukazzjoni ta’ kwalità.  Inħarsu iva, lejn il-preparazzjoni taż-żgħażagħ tagħna għad-dinja tax-xogħol ta’ għada, u ngħinuhom jibnu pedamenti ta’ karriera.  Imma nħarsu wkoll lejn il-preparazzjoni tagħhom biex jagħrfu jgħixu fid-dinja (mhux dejjem ħanina) ta’ għada.  Dinja li fiha jridu jikbru, isibu l-istat tagħhom, u jkunu ċittadini u nsara responsabbli u għaqlin.

Hu għalhekk li ma nistgħux inħarsu biss lejn l-iżvilupp akkademiku tal-istudenti tagħna.  Dan iva, nagħtuh importanza.  Imma rridu nqisu wkoll li t-tifel, il-bniedem, mhux moħħ akkademiku biss għandu.  Irid jiżviluppa  wkoll soċjalment u psikoloġikament ma’ sħabu, jagħraf kif għandu jġib ruħu u jibni ħbiberiji dejjiema.  Dan kollu f’ambjent san li jagħtih iċ-ċans li jiżbalja u b’imħabba jiġi kkoreġut.  Irid jiżviluppa fiżikament billi filwaqt li jiġi mħares minn dak li jagħmillu l-ħsara f’ġismu, jikber f’żagħżugħ b’saħħtu. Fl-aħħar u ċertament mhux l-anqas, irid ukoll jitgħallem ikun bniedem spiritwali u kapaċi jirrispondi għal dak li Alla l-imbierek isejjaħlu għalih fil-ħajja tiegħu, billi jagħmel għażliet tajba msejsa fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.

Din hija missjoni li l-Mulej afda f’idejna għal 50 sena, u b’sens ta’ responsabilità mmexxuha ’l quddiem.  Ċertament bl-għajnuna tiegħu.  B’sens ta’ radd il-ħajr, ġiet iċċelebrata quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Katidral tal-Imdina nhar is-6 ta’ Diċembru 2014, immexxija mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, amministratur apposoliku, issa Arċisqof  Elett ta’ Malta.  (Nawgurawlu u nitolbu għalih)  Kien verament mument speċjali fejn flimkien ma’ ħafna old boys, ġenituri u għalliema, raddejna ħajr lil Alla ta’ dak kollu li għamel magħna matul dawn is-snin.

Symposium:  Għallimni u ngħix: 50 sena ta’ servizz

Ftit ġimgħat ilu, nhar is-6 u 7 ta’ Frar 2015 iċċelebrajna symposium, intitolat: Istrue me et Vivam: Celebrating Catholic Eduċation  (Għallimni u ngħix: 50 sena ta’ servizz).  Ġurnata għall-għalliema fid-Dar ta’ San Ġużepp,  u nofstanhar għall-ġenituri u professjonisti oħra f’Palazzo Depiro, l-Imdina.  Tul dawn il-jumejn ħarisna ftit lejn il-passat tagħna, u lejn il-futur ukoll.  Ħarġu ħafna punti sbieħ u nteressanti…

Is-Sur Barry Upton, li nistgħu inqisuh bħala our critcal friend, fost kliem ieħor, ġibdilna l-attenzjoni għall-fatt li tul dawn is-snin it-triq ma kinitx faċli.  Kellha ħafna ħotob u ħofor, u xi drabi anke sqaqien.  Kienu snin ta’ taqlib soċjali.  Is-soċjetà nnifisha mhux dejjem għarfet it-triq li kellha tgħaddi minnha, u poġġiet f’ħoġor l-iskejjel u l-għalliema ħafna mistoqsijiet u talbiet kbar.  Mistoqsija kruċjali li rridu nistaqsu lilna nfusna hija marbuta mal-edukazzjoni li qed noffru lill-istudenti tagħna.  Din l-edukazzjoni qed tippreparahom għad-dinja ta’ għada billi tgħinhom jiżviluppaw ħiliet li jservuhom fil-futur, jew qed tħejjihom għad-dinja  tal-lum jew forsi tal-bieraħ?

Ilkoll nagħrfu li seħħew bidliet kbar f’dawn is-snin.  Jekk 50 sena ilu l-aktar ħaġa importanti kienet li tkun taf, u aktar ma tkun taf aktar aħjar,  illum nagħrfu li l-aktar ħaġa importanti hija li tkun kapaċi tfittex.  Imxejna minn the knowledge age għad-digital age. Jekk qabel l-enċiklopedija, bil-volumi ta’ informazzjoni tagħha, kienet l-akbar teżor tal-librerija, illum kompjuter, laptop jew tablet jiftħulek baħar ta’ tagħrif.  Basta tkun imqabbad mal-internet u tkun kapaċi tfittex. Hija għal din id-dinja li rridu nħejju lill-istudenti tagħna.

Imma din hija id-dinja tal-preżent.  U dik tal-futur x’se tkun?  Forsi se tkun dinja li fiha mill-ġdid irridu nitgħallmu u nkunu kapaċi nikkomunikaw ma’ xulxin. The Communication Age! Se jirnexxilhom l-istudenti tagħna jaħdmu  flimkien biex jitgħallmu?  Se jirnexxilna naqsmu ma’ xulxin l-umanità tagħna?  Probabilment ikollna bżonn nerġgħu niskopru mill-ġdid il-valuri umani u evanġeliċi.  Ħa ngħiduha kif inhi, l-attenzjoni lejn xulxin li tosserva fost xi żgħażagħ tagħmillek kuraġġ.  Imma meta tara grupp ta’ ħbieb ħerġin flimkien, kollha bl-ismart phone f’idhom jiċċetjaw ma’ nies oħra, tistaqsi jekk fid-dinja tal-futur għadx ikun hemm post għal relazzjonijiet u ħbiberiji.

F’dan il-kuntest, il-bżonn ta’ kooperazzjoni fit-tagħlim, l-attività fil-grupp, id-diskussjoni u r-riflessjoni jagħmlu ħafna sens.  Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika għamilna nvestiment kbir fix-xiri ta’ siġġijiet u mwejjed ġodda għall-istudenti kollha.  Pass tajjeb.  Imma nistaqsi jekk għadx jasal żmien, mhux ’l bogħod ħafna, fejn nistaqsu jekk għadx għandna bżonn mwejjed u siġġijiet.  It-tagħlim ikun xort’oħra. Min jaf kif se jkun il-futur!?  Min jaf ma’ liema bidliet sejrin niltaqgħu?!  Nistgħu nħallu l-bidliet jiġu fuqna?  Jew forsi jkun aħjar jekk naqbdu l-barri minn qrunu u l-bidla nġibuha aħna stess!  Fuq dan għandna bżonn nirriflettu bis-serjetà u ma nibżgħux nieħdu deċiżjonijiet.

Irridu nipprepraraw lill-istudenti tagħna għad-dinja tal-lum u ta’ għada. Kemm hi sabiħa it-teknoloġija!  X’hemm isbaħ minnha?  Forsi l-letteratura? l-arti?  Ikolli ngħid li isbaħ minn dan kollu hemm il-bżonn li nagħrfu xi tfisser tkun bniedem, tkun uman!  Ħa nħallu it-teknoloġija u l-lettaratura (u ħafna suġġetti oħra) jgħinuna nsiru bnedmin aħjar, imma ma nħalluhom qatt ikunu l-għan tal-ħajja tagħna.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed naraw kemm l-aspett etiku tal-użu tal-kompjuter u l-e-learning hu ta’ min jieħdu bis-serjetà.  Il-professur Trevor Kerry mill-Università ta’ Lincoln, ġibdilna l-attenzjoni għall-fatt li temi etiċi jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-għalliema u l-istudenti, bejn l-istudenti nfushom, u bejn studenti/għalliema u d-dinja ta’ barra l-iskola.   Aħna inħobbu nsemmu l-ġenituri u s-soċjetà inġenerali.   Anke hawn naraw bidliet kbar.  Filwaqt li niftakru żminijiet fejn l-għalliem kien jiddeċiedi x’se jwassal lill-istudent, u hekk fil-pożizzjoni ta’ ġenitur (in loco parentis) jiddeċiedi x’inhu l-aħjar għall-istudent u jipproteġih minn ideat u materjal li jista’ jkunlu ta’ ħsara,  illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-istudent, permezz tal-internet, jiltaqa’ ma informazzjoni u ideat li xi drabi jkunu kuntrarji għal xulxin u għal dak li tradizzjonalment emminna fih u wasslulna ta’ qabilna.  Meta l-istudent iżomm kollox għalih (nuqqas ta’ komunikazzjoni u relazzjoni) jista jiġi f’sitwazzjoni fejn jesponi ruħu għal perikli.  Hawn hi d-dilemma tal-għalliem, u tal-ġenitur.  Sa fejn għandu jservi ta’ filtru, iħalli t-tajjeb jgħaddi u jżomm il-ħażin?  Liema hi dik l-informazzjoni li għandha tinżamm?  X’valuri għandhom jitwasslu?   L-istudent irid jiġi mgħallem jirrifletti fuq dak li jiltaqa’ miegħu,  u jitwassal biex ikun kapaċi jagħmel għażliet tajbin.

Hawn nemmen li hu l-valur tal-iskejjel kattoliċi, ta’ Kulleġġ bħal tagħna.  Il-valuri tagħna huma l-valuri tal-vanġelu, ta’ Ġesù Kristu.  Anke jekk bnedmin dgħajfa, u allura suġġetti għall-iżball, aħna bħala edukaturi nemmnu li rridu mmexxu lill-istudenti f’direzzjoni partikulari li twassalhom biex ikunu dixxipli veri ta’ Ġesu’ u jħalluh jidħol biżżejjed f’ħajjithom, tant li jissawru fih.  Din hi l-għażla li intom, bħala ġenituri, għamiltu meta xtaqtu u għażiltu Kulleġġ Kattoliku għal uliedkom, u afdajtu f’idejna it-teżori tagħkom (uliedkom) biex ngħinukom tedukawhom. Aħna fid-dmir li naħdmu b’risq dan il-għan, li dħalna għalih meta għażilna li nkunu edukaturi f’Kulleġġ Kattoliku.  Ċertament irridu naħdmu id f’id biex ngħinu lill-istudent jifforma ruħu f’din id-direzzjoni.

Inkomplu fuq l-isfidi tagħna u kif qed nippruvaw naffaċċjawhom.

Ħafna mill-isfidi li rridu naffaċċjaw fil-Kulleġġ tagħna huma l-istess sfidi li jaffaċċjaw skejjel u Kulleġġi oħra. Nixtieq niddiskuti ftit minnhom…

L-ewwel ma tiġini f’rasi hija ir-realta’ ta’ abiltajiet u ħiliet varji li għandna fil-kulleġġ.  Ibda minni u l-assistenti kapijiet, is-senior management team tal-Kulleġġ.  Għandna talenti differenti, abiltajiet differenti, imma għan wieħed.  Dak li nipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità lill-istudenti tagħna.  Kompli fl-għalliema, learning support assistants, staff amministrattiv u ħaddiema domestiċi.  Hawn ukoll insibu min għandu talent u kapaċità f’ħaġa u min f’ħaġa oħra.  Nistgħu nitkellmu dwar persuna li hi aktar kapaċi.  Imma qatt ma għandna nbaxxu lil xi ħadd u nirreferu għal xi ħadd li hu ħażin.  Kulħadd għandu x’joffri u joffri mill-aħjar li jista’.  Nemmen li kulħadd qiegħed fuq it-triq it-tajba f’dan ir-rigward.

Nirreferu wkoll għall-istudenti.  Hawn joħorġu ħafna fid-deher l-abiltajiet u l-ħiliet differenti.  Ma nixtieqx li jkun hemm xi student li jaqta’ qalbu u jibqà lura. Is-sena skolastika li għaddiet daħħalna korsijiet ġodda ta’ drama, arti u edukazzjoni sportiva li jolqtu lil dawk li għandhom abiltajiet f’dawn l-oqsma.  Fl-istess ħin ma nistgħux ninsew lil dawk li għandhom abiltà aktar f’linja akkademika. Il-Kulleġġ għadu qed jipprovdi l-istess korsijiet ta’ studju li kien jipprovdi meta l-istudenti kienu kollha ta’ abiltà akkademika għolja.  Inklużi l-afterschool options.  Allura inħeġġeġ lill-istudenti biex la jaqtgħu qalbhom u lanqas jibqgħu lura u ma jieħdux l-istudju tagħhom bis-serjetà.  Inħeġġeġ ukoll lill-ġenituri biex isuqu lil uliedhom ħalli jilħqu l-potenzjal għoli tagħhom.  Nistenna impenn sħiħ mill-istudenti, u support sħiħ mill-ġenituri (li bi pjaċir ngħid li rari jonqos).

Nixtieq nara wkoll aktar involviment tagħkom il-ġenituri fil-ħajja tal-iskola.  Nifhem li l-impenji tagħkom ta’ xogħol u attivitajiet oħra huma kbar, u qajla jkollkom is-saħħa u l-enerġija għal aktar ħidma filgħaxija.  Imma kemm hu importanti li tagħtu kas tal-ħidma ta’ wliedkom, tinkoraġġuhom, u ssegwu x-xogħol tagħhom tad-dar u taraw li qed jagħmluh bi bżulija.  Ma’ dan inżid ukoll l-involviment tagħkom f’attivitajiet tal-iskola.  Tibqgħux lura. Donnu li aktar ma jikbru t-tfal, aktar jonqos l-involviment tal-ġenituri fl-iskola.  Forsi għax jgħejjew, jew għax jafdaw aktar li l-ulied kapaċi jmexxu waħedhom.  F’ċertu sens veru, imma mhux dejjem.  L-interess tagħkom, qatt ma hu mitluf jew minsi.

Minn naħa tal-amministrazzjoni u tal-parent teacher association qed nippruvaw norganizzaw laqgħat u attivitajiet li jolqtu lil kulħadd.  Nieħdu gost meta tipparteċipaw. Tħallux dawn l-attivitajiet jgħaddu minn fuq raskom.  Ikunu okkażjonijiet tajba biex wieħed jiltaqa’, jagħmel ħbieb ġodda, jaqsam inkwiet u jiddiskuti anke kif qed isolvi d-diffikultajiet li jkollu.  Ħafna drabi l-inkwiet tiegħek huwa l-inkwiet ta’ ħaddieħor.  Għinu lil xulxin biex tersqu lejn soluzzjonijiet.  Hekk jirnexxilkom tkunu ġenituri aħjar.   Ejjew inkabbru s-sens ta’ komunità fl-iskola.

Il-feedback tagħkom verament napprezzah. Tħallux lilkom infuskom tinqabdu f’xibka ta’ tgergir li ma jwassal għal imkien ħlief għal aktar tgergir, riżentiment, u skoraġġiment.  Jekk ikollkom xi lment, jew ma tkunux fhimtu xi ħaġa, tiddejqu xejn tikkuntattjaw lili, lil xi ħadd mis-senior managment team, jew l-għalliem konċernat.  Ħafna drabi l-inkwiet tagħkom ikun l-inkwiet tagħna wkoll. Importanti ħafna li naħdmu id f’id għall-ġid tat-tfal.

Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jiġu organizzati attivitajiet oħra għall-ġenituri u familji.  Sports day, nofstanhar ta’ riflessjoni, weekend seminar fil-bidu ta’ Mejju, eċċ.  Ejjew u pparteċipaw. Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju sejrin norganizzaw gala dinner f’lukanda ewlenija.  Se jkollna magħna lil Frs Bernard Mangion u Fr.Gerard Bonello, ex-retturi tal-kulleġġ.  U fis-sajf li ġej, esperjenza missjunarja ta’ xahar mal-patrijiet tas-Soċjetà tagħna fil-Peru.   Qegħdin grupp ta’ 10… ġenituri, għalliema, u ħbieb oħra.  Jekk hawn xi ħadd ieħor jitħajjar, ikellimni.

Meta nħares lejn l-istudenti, nara li ħafna jieħdu bis-serjetà l-istudju tagħhom.  Nara sforz ġenwin, u ninsab ċert li dan iħalli ħafna frott.  Sa issa l-istudenti tal-ħames sena dejjem ġabu riżultati tajbin ferm fl-eżamijiet tas-SEC u hawn nixtieq nawgura lill-istudenti tal-ħames sena li nhar it-Tnejn jibdew l-ischool leaving examinations tagħhom.   Prosit lilhom, lill-għalliema u lilkom ġenituri.  L-istudenti li bħalissa qegħdin fl-Ewwel Sena tas-Sekondarja wkoll marru ferm tajjeb fil-benchmark examintion fi tmiem il-kors tal-Primarja.  Il-mean u l-average kienu aħjar minn dawk nazzjonali.  Prosit.  Dan kollu jawgura tajjeb.   Minn naħa tagħna, qed nużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi li għandna. Ix-xewqa tiegħi hija li nkomplu ninvestu. Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika xtrajna mwejjed u siġġijiet ġodda, u tajna dehra ġdida lill-iskola.  Nappella biex kulħadd juża tajjeb dawn ir-riżorsi, u jibża’ għall-affarijiet.

Għax nemmnu fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna, saħħaħna l-iStudents Support Team, magħmul mill-management team, counsellor, social worker, youth worker, spiritual directors, guidance teacher, u educational psychologist. Kull student għandu fejn iħabbat għall-għajnuna meta jkollu bżonnha.  Intom il-ġenituri tistgħu iċċemplu, tiktbu jew tibagħtu referral form mimlija jekk taħsbu li binkom għandu bżonn għajnuna.  Infakkarkom biex timlew u tiffirmaw il-ċonsent form. Jiġuni f’moħħi każijiet ta’ bullying li jistà jkollna.   Ovvjament mhux kull argument jew ġlieda tkun bullying, għalkemm ma nixtieqx logħob tal-idejn (anke jekk biċ-ċajt) fl-iskola.  Imma f’każ fejn dak li jkun iħossu mhedded, u speċjalment fejn isseħħ xi forma ta’ vjolenza (fiżika jew mod ieħor), huwa imporanti ħafna li wieħed jitkellem.  L-ewwelnett wieħed jipprova jwaqqaf lil min qed jaqbad miegħu.  Jekk ma jirnexxilux, allura importanti ħafna li wieħed jitkellem u jirrapporta lill-class teacher jew membru  tal-istudent support team jew lis-senior management team.  Xi ħadd mill-iStudent Support Team jieħu ħsieb lill-vittma u anke lill-bully, għax anke dan ikollu bżonn ta’ għajnuna.   Il-muscial tal-lum jitratta il-problema tal-bullying.  Tajjeb li neħduha bis-serjetà.  Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil Mr Victor Debono u t-team kollu ta’ għalliema u studenti li taw is-sehem tagħhom.

Bid-diversi għażliet ta’ suġġetti li għandna qed ikollna bżonn aktar u aktar spazju fl-iskola.   Bħalissa qed naħdmu fuq żewġ kmamar minn ta’ taħt il-grawnd, li se jsiru kamra għall-Arti u kamra għall-Arkett.  Diġà qed jieħdu dehra ġdida.  Imbagħad ikun imiss proġetti żgħar oħra u l-proġett il-kbir li nittamaw li jsir is-sajf li ġej, bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju:  il-grawnd bit-turf artifiċjali.  Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed naħdmu bis-sħiħ fuqu, għax mhux la kemm tfaqqa’ subajk u jsir.  Imma ma naqtgħux qalbna.  Dettalji nagħtihom aktar tard.

Fuq livell akkademiku sejrin nagħmlu evalwazzjoni tas-sistema ta’ afterschool options, u naraw jekk hemmx bżonn li nagħmlu xi bidliet. Sejrin ukoll ninvestigaw l-introduzzjoni ta’ options oħrajn fil-kurrikulu tagħna.  Inkomplu naraw ukoll kif insaħħu s-suġġetti extra kurikulari tagħna.  Kif tafu, aħna ninvestu żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa f’dawn l-attivitajiet.   Ma jiddispjaċinix, għax nemmen li hu ħin użat tajjeb.   Sewwa li nieħdu l-aħjar li nistgħu minnu.

L-istudenti jafu sew li nistenna responsabiltà mingħandhom.  Filwaqt li ċajta ’l hawn u ’l hemm ma tagħmilx ħsara, anzi żżommna bi tbissima fuq fommna,  tajjeb li kull student jara li kliemu u imġibtu jkunu jixirqu.  Nemmen li b’din l-attitudni il-ħajja fil-Kulleġġ u t-tagħlim marbut magħha, ikunu aktar pjaċevoli għal kulħadd.

Kif tistgħu taraw minn dak li qsamt magħkom illum, l-isfidi tagħna, issa li qed niċċelebraw il-50 anniversarju tal-Kulleġġ, mhumiex żgħar.  Huma sfidi li bosta minnhom  naqsmu ma’ żgħażagħ, ġenituri u edukaturi ta’ skejjel oħra.

Inħallikom bl-aħħar mistoqsija għar-riflessjoni tagħkom… Issa li l-Kulleġġ tagħna mexa sew fl-iżvilupp tiegħu, u mingħajr ma jinsa lill-istudenti tiegħu, jista’ jagħti kontribut akbar fil-qasam nisrani u edukattiv ta’ pajjiżna?  Kif jista’ jkun aktar Kulleġġ Missjunarju?   Inkunu qed ngħixu il-kliem tal-Fundatur tagħna, Mons. Ġużeppi De Piro:  “Nagħtu lil ħaddieħor dak li San Pawl ta lilna.”   Ejjew naħsbu ftit fuq dan.

 

Grazzi

 

Fr Silvio Bezzina mssp

Rettur

28 ta’ Frar 2015