Rector’s Speech – 2014

Jum il-Premjazzjoni Għas-Sena Skolastika 2012/2013

Is-Sibt, 15 ta’ Marzu 2014

 

 

 

Għażiż Fr Frankie, Mistednin Distini, Ġenituri, Studenti,

Insellmilkom, u nirringrazzjakom li l-lejla tinsabu hawn magħna għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tal-premjijiet.  Il-preżenza tagħkom hija ta’ inkoraġġiment għalina lkoll, speċjalment għall-istudenti tagħna.

https://scontent-a-cdg.xx.fbcdn.net/hphotos-ash3/t1/1508175_10152304627211303_1179013167_n.jpg

Nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Marzu 2014, fl-iskola Primarja tal-Kulleġġ tagħna sar il-kxif ta’ monument, intitolat: Sbuħija Fina u Madwarna, li jfakkar l-ewwel 300 student tas-sezzjoni Primarja tal-Kulleġġ.  Fuq perjodu ta’ sena u nofs, l-istudenti kollha kellhom l-opportunità li jaħdmu xogħol fit-tafal abjad biex jesprimu tema tan-natura – annimali, insetti,
pjanti, weraq, fjuri, ħut u annimali oħra tal-baħar, persuni umani, kif ukoll uċuħ – kollha kif jarawhom it-tfal u kif jistgħu jesprimuhom bil-mod tagħhom fit-tafal.

Dawn ix-xogħlijiet oriġinali, kreattivi u saħansitra ffirmati, ġew moħmija u finalizzati, u twaħħlu fuq l-injam ma’ ħajt f’wieħed mill-kurituri prinċipali tal-iskola.  Kemm ħadu gost it-tfal jaraw ix-xogħol tagħhom jiġi apprezzat!  X’entuzjażmu!  L-iskola għamluha aktar tagħhom u ċert li dak il-ħajt se jkun ċentru ta’ laqgħat u nostalġija fis-snin li ġejjin.

Filwaqt li rringrazzjajt lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom, ħassejt li f’dak il-mument kien qed jinkiteb vers ieħor fl-istorja tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl.  Vers li jirrikonoxxi bidla kbira li seħħet fil-Kulleġġ tagħna tliet snin ilu, meta nfetħet l-iskola Primarja u nbidel il-mod ta’ dħul tal-istudenti.  Donnu bidu ġdid għall-Kulleġġ tagħna, li din is-sena jiċċelebra l-50 Anniversarju mit-twaqqif tiegħu fl-1964.

F’mument bħal dan ma tistax ma tħarisx lura u tirrifletti fuq dak kollu li għadda minnu l-Kulleġġ tagħna f’dawn il-50 sena.  Tul din is-sena u d-dieħla se jkollna mumenti fejn niċċelebraw b’divesi modi dan l-anniversarju.  Għaldaqstant, f’dawn l-erba’ kelmiet tiegħi tal-lejla nixtieq niffoka fuq ċertu elementi li tul is-snin sawruna u bnewna f’dak li aħna, u kif nistgħu nsaħħu dak li aħna lkoll flimkien wasalna għalih.

Kulleġġ imsejjes fuq ethos partikolari

Meta fil-bidu tas-snin 60 is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ħarset lejn il-ħidmiet u l-appostolat li fihom setgħet titfa’ l-enerġija tagħha, rat li setgħet tinvesti fit-twaqqif ta’ skola sekondarja b’ethos kattoliku. B’dan il-mod kienu se jintlaħqu diversi għanijiet, fosthom il-kontribut tas-Soċjetà fil-qasam edukattiv f’pajjiżna.  L-impenn tas-Soċjetà kien sħiħ.  L-għalliema kienu kollha membri tal-istess Soċjetà. Il-bidu kien fqir tassew.  Il-Kulleġġ kien jokkupa xi kmamar fis-sular ta’ isfel tal-kunvent, u żewġ klassijiet kienu addirittura maqtugħin fit-tarf tal-kuritur tal-kunvent permezz tal-hardboard.  Imma f’dan il-faqar bdew jinbtu, jiżviluppaw u jitrawmu l-prinċipji u l-valuri li jiffurmaw l-ethos tal-Kulleġġ tagħna.

Mill-ewwel deher ċar li dan il-Kulleġġ kellu jkun Kulleġġ miftuħ għal kulħadd, u dan il-għan intlaħaq billi ma kienet mitluba l-ebda miżata għat-tagħlim. Mill-bidu nett kien Kulleġġ inklussiv li ma kienx iħares lejn l-istatus tal-familja u minn fejn hu ġej it-tifel.  Meta t-talba għad-dħul, frott ta’ reputazzjoni tajba, kibret, allura beda jsir eżami fi tmiem is-sitt sena tal-Primarja.

Qatt ma deher mod ieħor aktar ġust minn dak meritokratiku.  Biż-żmien daħal il-Common Entrance Examination, ekwivalenti għall-Junior Lyceum Examination.  Tliet snin ilu dan spiċċa wkoll, u llum lanqas il-meritokrazija ma tidhol.  Id-dħul hu fuq bażi ta’ polza u xorti bit-tfal u l-ġenituri tagħhom jagħżlu l-Kulleġġ.  Ġust u tajjeb hekk?  Iż-żmien jagħtina parir!  Li hu żgur hu li kull tifel li jiġi fil-Kulleġġ għandu jkun rispettat, maħbub, u megħjun jitgħallem biex jilħaq il-potenzjal tiegħu.

Il-Motto tal-Kulleġġ: Għallimni u Ngħix, b’referenza għall-fatt li biex wieħed jgħix tassew għandu bżonn li jkun edukat, għadu validu llum daqs kemm kien 50 sena ilu. L-edukazzjoni llum ukoll hija l-qofol tal-għejxien tagħna. Kellu jkun ukoll, kif kien jinsisti Fr Stanley Tomlin (il-Mulej jagħtih il-glorja tal-ġenna), il-fundatur tal-Kulleġġ, il-benniena ta’ vokazzjonijiet missjunarji li jsostnu l-ħidma u l-kariżma tal-istess Soċjetà.  Illum, wara tant snin, bosta missjunarji tas-Socjetà tagħna huma Old Boys ta’ dan il-Kulleġġ.  Il-ħsieb ta’ Monsinjur Ġużeppi Depiro:  “nagħtu lill-oħrajn dak li San Pawl ta lilna”, għadu jidwi fil-qlub u l-imħuħ ta’ ħafna, kemm membri u ħbieb tas-Soċjetà tagħna, u kemm saċerdoti u lajċi impenjati fil-ħidma tal-Knisja lokali u barra minn Malta.

Beda jidher ċar li ma tistax tagħti kas biss tal-iżvilupp akkademiku tat-tifel.  Trid tarah, tħobbu, tirrispettah, u tedukah fit-totalità tiegħu.  Trid tindirizza l-bniedem sħiħ.  Illum nitkellmu f’termini ta’ holistic education.  L-iżvilupp akkademiku għandu jkun akkumpanjat ukoll minn żvilupp fiżiku, psikoloġiku, soċjali u spiritwali.   Ħadd ma hu l-istess, u kull tifel għandu l-bżonnijiet tiegħu.  Xi bżonnijiet  huma komuni għal kulħadd, oħrajn aktar speċifiċi għall-individwu.  Ċertament dawn ma jistgħux jiġu injorati,  u jekk aħna għandna ċertu regoli li rridu nimxu fuqhom, fl-istess ħin inżommu f’moħħna dak li qalilna Ġesù Kristu, li l-liġi qiegħda hemm biex taqdi lill-bniedem, u mhux bil-maqlub.

Kien f’dan l-ambitu li Fr Gerard Bonello, illum missjunarju f’Lahore, Pakistan, Rettur ta’ qabli, kien jitkellem dwar it-tifel fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva.  Illum nitkellmu dwar child-centered education.   Kull ħidma edukattiva għandha tindirizza u tħares lejn l-iżvilupp tat-tifel, u mhux biex issostni lilha nnifisha billi toħloq ħidma reġimentata li tipprova toħloq fotokopji jew 3D printouts tal-istudent ideali, li probabbilment ma jeżisti mkien!

Illum sirna nitkellmu ħafna dwar id-drittijiet tat-tfal.  Hekk sewwa u xieraq.  Tifel ma jistax jikber sew jekk id-drittijiet tiegħu bħala persuna żgħira, bla vuċi b’saħħitha, li qed jifforma ruħu, ma jiġux rispettati.   Xi wħud jagħmlu dawn id-drittijiet assoluti u jieqfu hemm.  Oħrajn jistaqsu dwar fejnhom id-dmirijiet, u xi drabi jispiċċaw biex iwaqqgħu d-drittijiet għax ma jkunx ċar x’inhuma d-dmirijiet.  Tifel li jsib ruħu rispettat hemm aktar ċans li hu jkun kapaċi jirrispetta.  Tifel li jesperjenza l-imħabba ġenwina u diżinteressata
tal-ġenituri tiegħu u tal-għalliema tiegħu huwa tifel li jkun jista’ u kapaċi jħares lejn l-esperjenza tiegħu u hu wkoll iħobb lil ta’ madwaru.  Tifel li jirċievi dixxiplina bi mħabba u
b’rispett isir adult li kapaċi jiddixxiplina lilu nnifsu u jirrispetta u jħobb lil ħaddiehor.  Għalhekk id-dixxiplina fil-Kulleġġ ma hi qatt dixxiplina ta’ vendetta.  Hi dixxiplina li tgħin lill-istudent jikber u jimmatura fid-direzzjoni t-tajba.  Jinduna li qed jingħata ċ-ċans u l-ispazju biex f’ambjent san jitgħallem jidderieġi lilu nnifsu.

Sa mill-ewwel snin tal-ħolqien tiegħu, il-Kulleġġ esperjenza il-partiċipazzjoni tal-ġenituri fil-ħidma edukattiva.  Il-ġenituri ħassew li għandhom ikunu qrib tal-post fejn binhom qed jitgħallem, u offrew u taw l-għajnuna ġeneruża tagħhom għal snin twal.  Min offra ftit u min offra ħafna, u l-għajnuna ma waqfet qatt.  Illum inkomplu nitkellmu dwar l-involviment tal-ġenituri.  Nistgħu nimmaġinaw tifel miexi ’l quddiem fl-edukazzjoni tiegħu mingħajr l-involviment tal-ġenituri?   Kemm hu diffiċli!

It-tifel li jesperjenza l-attitudni pożittiva tal-ġenituri tiegħu rigward l-edukazzjoni huwa tifel li jħares b’mod pożittiv lejn l-edukazzjoni.  Anke jekk din tiswielu ħafna sforz u sagrifiċċju, jesperjenza l-ferħ (joy) tat-tagħlim, u dan iwasslu biex jitgħallem aktar.  X’messaġġ iwasslu lil uliedhom dawk il-ġenituri li huma stess qatt ma jaqbdu ktieb b’idejhom, dawk li jgergru għax għandu ħafna homework biex imbagħad qisu mhu xejn li dak li jkun jgħaddi sigħat quddiem it-TV jew fuq logħba tal-kompjuter?  Nibża’ ngħid!
Kemm hu sew li t-tifel isib ruħu megħjun biex jitgħallem, u jara li l-ġenituri tiegħu jsostnu u jissapportjaw lilu u lill-iskola.  Kemm hu sew li naħdmu lkoll flimkien – għalliema, studenti u ġenituri – b’risq l-edukazzjoni tal-ulied.

Fr Bernard Mangion, l-ewwel Rettur u wkoll illum, ta’ 74 sena missjunarju fil-Pakistan, kien jitkellem dwar l-iskola bħala komunità.  Komunità magħmula minn għalliema, studenti u ġenituri, u li fiha kulħadd huwa importanti.  Susan Stone Kessler u April Snodgrass jikkonkludu artiklu tagħhom billi jgħidu: “When students, teachers and parents feel like a valuable part of the school, they will contribute to improving the school’s academics.”[1]

Nemmen li t-titjib ikun jidher mhux biss fid-dimensjoni akkademika, imma wkoll fid-dimensjonijiet l-oħra.  llum naraw li din ir-realtà ta’ komunità, flimkien mal-edukazzjoni ħolistika u sistema li tpoġġi t-tifel fiċ-ċentru tal-proċess edukattiv, hija pilastru tal-Kulleġġ tagħna.

Issa li qrobna biex niċċelebraw il-50 Anniversarju tal-Kulleġġ tagħna, tajjeb li nħarsu lejn dak li l-kulleġġ tagħna akkwista u kiseb suċċess fih.  Jekk inħarsu lejn dak li l-istudenti irnexxielhom jakkwistaw akkademikament, bħala riżultati f’eżamijiet, ngħidu li sejrin tajjeb.  Nieħdu gost naraw li l-maġġoranza assoluta, u hawn nifhem aktar minn 95%, tal-istudenti tagħna jkomplu u jispiċċaw b’suċċess korsijiet post-sekondarji.  Illum ħafna għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabiltà f’pajjiżna.   Għalina hu ta’ pjaċir ukoll li naraw numru sabiħ ta’ eks-studenti tagħna involuti f’ħidmiet u organizzazzjonijiet volontarji li b’xi mod jew ieħor jgħinu lill-membri tagħhom u lil min hu fil-bżonn.  Ċertament dan kollu jagħmel unur lill-eks-studenti, u joħloq sens ta’ sodisfazzjon fost il-ġenituri u l-edukaturi, terminu li għalija jinkludi għalliema, learning support assistants, amministrazzjoni,
u ħaddiema oħra fil-kulleġġ.

Ftit tal-ġimgħat ilu sar happiness survey fost l-għalliema u l-istudenti.  Bi pjaċir ħadna riżultat li ma konniex qed nistennew li jkun daqshekk tajjeb.  (Ara Table 1 aktar ’l isfel.)  Rajna li l-biċċa l-kbira tal-għalliema  u l-istudenti huma kuntenti li jiffurmaw parti minn dan il-Kulleġġ.  L-għalliema jħossu li huma ttrattati tajjeb u apprezzati, u fejn ikun hemm diffikultà jsibu għajnuna; li għandhom iċ-ċans jippjanaw, jaħdmu u jirnexxu f’dak li qed jagħmlu; kuntenti li għandhom relazzjoni tajba mal-kollegi u l-amministrazzjoni; l-ambjent fiżiku u l-atmosfera fil-Kulleġġ huma tajbin; f’kelma oħra, jinsabu kuntenti jaħdmu fil-Kulleġġ tagħna.

L-istudenti jidher ukoll li huma kuntenti f’dan l-ambjent fejn iħossuhom maħbuba u rispettati.  Jistqarru li huma ttrattati tajjeb, isibu għajnuna, għandhom il-ħbieb, iħossuhom qed jimxu ’l quddiem, u li l-ambjent tal-iskola jħossuh jilqagħhom.


Table 1: SPMC:  Happiness Survey January 2014

Teachers’
replies (N=28)

Students’
replies (N=246)

Yes

%

No

%

Not
always %

Not
marked %

Yes

%

No

%

Not
always %

Not
marked %

I am treated fairly at school.

96

4

0

0

74

25

0

1

I am able to organize and plan my work.

86

7

4

4

78

22

0

0

I have some difficulties at school but I am helped to deal with them.

89

4

7

0

71

29

0

0

I feel I do good work and am successful.

82

0

11

7

80

20

0

0

I am good at doing new things.

89

0

7

4

77

21

1

1

My school is a pleasant environment.

86

7

7

0

76

22

0

1

I have a lot of friends at school.

96

4

0

0

90

9

1

0

I know what is going on around school.

71

14

14

0

66

32

0

2

I get told when I have done well.

46

25

29

0

76

22

1

1

I enjoy being at school.

96

0

4

0

72

25

1

2

 

Għalfejn qed ngħid dan kollu?   Ngħidu għaliex meta naraw kemm inħabbtu wiċċna ma’ problemi, kemm ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli u kemm għandna sfidi quddiemna, faċli ninqabdu f’ċirku ta’ negattività.   Irridu nemmnu li minkejja kollox, il-Kulleġġ tagħna qed jikseb suċċess fl-istudenti tiegħu, u dan grazzi għal ħafna dedikazzjoni u impenn kemm tal-adulti (edukaturi u ġenituri)  kif ukoll tal-istudenti nfushom.  Dan jagħmlilna kuraġġ.

Nemmen ukoll li meta l-istudenti u l-edukaturi jkunu kuntenti fl-iskola, u hawnhekk b’kuntentizza nifhem li wieħed jaf għalfejn jiġi l-iskola, u qed jaħdem biex il-qagħda tiegħu tħalli l-frott,  it-tagħlim jista’ jkun, u fil-fatt ikun, aħjar.  It-tensjoni żejda ma tħallix lil dak li jkun jikkonċentra, jistudja u jaħdem.  F’ambjent aktar rilassat, fejn wieħed jesperjenza imħabba u rispett, mogħdrija u maħfra, u interess ġenwin, il-ħidma tkun aħjar.  Għax, kif jista’ jitgħallem tifel li ma jħossx ruħu maħbub u rispettat?   Min-naħa l-oħra ngħid ukoll li ma nistgħux nimxu lejn ambjent fejn dak li jkun jagħmel li jrid jew li jfettillu.  Għalhekk, bilanċ tajjeb huwa f’postu u apprezzat, u joħloq ambjent idoneu għall-istudju u l-formazzjoni tal-karattru.

Il-moral tal-istudenti

Dak li għedt sa issa kollu jgħin sabiex ikun hemm moral għoli fost l-imsieħba kollha tal-Kulleġġ.  Ċertament jonqos aktar xi jsir.  Insemmi: aktar apprezzament tal-ħidma, aktar komunikazzjoni, aktar involviment b’responsabiltà u kontabilità,  aktar interess ġenwin, aktar ħidma flimkien (kolleġġjalità), aktar riżorsi, aktar lok għall-kreattività, għan aktar ċar ta’ fejn irridu naslu, aktar professjonalità u aktar possibbiltà ta’ suċċess. Dan jgħodd għal kulħadd, ibda minni u spiċċa fl-iċken tifel li għandna fil-Kulleġġ. Aktar ma jgħaddi

ż-żmien aktar qed nesperjenzaw ir-realtà ta’ ħiliet u abiltajiet misti fost l-istudenti.  Din realtà li konna qegħdin nistennew u li bi preparazzjoni għaliha l-għalliema u l-Learning Support Assistants kienu, u għadhom, qed jirċievu taħriġ.  Nixtieq ngħidilhom grazzi tal-attenzjoni tagħhom u tal-entużjażmu li bih daħlu għal dan l-impenn.  Ix-xewqa tagħhom u tiegħi hija li kull student ikollu ċans tajjeb ta’ suċċess, billi jilħaq dak il-potenzjal li kien imżejjen bih u li ħafna drabi jrid jiskopri. Apparti t-taħriġ, fil-Kulleġġ ħadna miżuri oħra biex nilħqu lit-tfal b’abiltajiet u ħiliet differenti, fosthom iż-żieda ta’ Optional Subjects, u l-investiment f’mezzi teknoloġici ġodda.   Fi klassi tipika hemm studenti li jispikkaw, studenti li nsejħulhom average, u studenti li jbatu biex ilaħħqu.  Nafu wkoll li dan jgħodd mhux għas-suġġetti ta’ natura akkademika, imma wkoll għas-suġġetti li jitolbu aktar kreattività u stamina fiżika.  L-għalliema qed ikollhom biċċa xogħol iebsa sabiex ilaħħqu ma’ dawn l-istudenti kollha, u naf li qed jagħmlu ħilithom biex itejbu l-pedagoġija tagħhom. Nirringrazzja u napprezza f’isem kulhadd.


http://3.bp.blogspot.com/-7WJge2-1fvE/URUrYfTldpI/AAAAAAAACOk/ACVw0H5xtZM/s1600/in-our-education-system-know-your-strengths.jpgImma xorta nibża’ li jista’ jkollna studenti li jiżolqulna minn idejna. Dawn huma l-istudenti li l-abiltà u l-ħila tagħhom mhix biżżejjed biex ilaħħqu ma’ dak li jkun mitlub minnhom matul is-sena, fl-aħħar tas-sena, jew fl-aħħar tal-ħames sena, u għaldaqstant ma jkunx possibbli għalihom li jiksbu suċċess, diment li nibqgħu norbtu s-suċċess ma’ riżultat tajjeb fl-eżamijiet.  Għandna bżonn aktar riżorsi fil-forma ta’ għalliema ġodda li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti aktar batuti.

Dan speċjalment fis-suġġetti tal-Ingliż, Malti u Matematika.  Ma nistgħux inħallu lil dawn l-istudenti jintilfu.

Innutaw din il-karikatura. Wieħed naturalista ried jagħmel eżami lill-annimali:  Ried li jkun eżami ġust u l-istess għal kulħadd.  “Itilgħu  fuq dik is-siġra”, qalilhom.   Quddiemu kien hemm iljunfant, xadina, ħuta, pingwin, kelb, għasfur u foka![2]

Waħda mill-problemi serji li qed nara f’dan ir-rigward hija li l-mod ta’ assessjar mhux varjat biżżejjed biex jindirizza l-ħiliet u l-abiltajiet kollha.  Għadna wisq dipendenti fuq karta tal-eżami waħda. Fil-Kulleġġ tagħna, apparti x-xogħol li jsir matul is-sena u li jiġi valutat,  tiġi ppreparata karta waħda għall-istudenti kollha, b’eċċezzjoni ta’ dawk l-istudenti li qed isegwu Individual Education Programme, u dawk li jagħżlu li jagħmlu l-Karta 2B fis-SEC.   Imma dejjem nitkellmu fuq karta tal-eżami.   Forsi wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn suriet oħra ta’ assessjar li permezz tagħhom l-istudent li jbati f’dak li hu akkademiku jkollu possibiltà aktar reali li juri x’jaf.  Fosthom eżamijiet orali, proġetti maħduma fuq medda ta’ ġimgħat, xi biċċa xogħol tal-idejn, eżami bil-ktieb miftuħ, u forom oħra.   Xi ħaġa f’dan ir-rigward diġà qed issir fl-iskejjel, iżda dan irid ikun sostnut mill-MATSEC Board. Lura lejn l-eżami tan-naturalista… ix-xadina telgħet mas-siġra bla problemi ta’ xejn.

L-għasfur tar għal fuqha.  F’ħalqu żamm il-ħuta.  Hekk il-ħuta telgħet fuq is-siġra, u niżlet fl-iskonku tal-għasfur! L-iljunfant ta daqqa ta’ ras lis-siġra, qalibha, rifisha u kissirha taħtu, u l-kelb, il-foka u l-pingwin approfittaw irwieħhom.   Fiha x’tirrifletti!

Tajjeb li l-istudent jingħata l-possibiltà li jaħdem, u jaħdem bil-mod tiegħu. Iħoss li r-responsabiltà waqgħet fuqu, u bl-għajnuna li rċieva rnexxielu jimxi ’l quddiem u jilħaq l-għan tiegħu, jiġifieri jkun laħaq il-potenzjal tiegħu.   Hu stess ikun jaf liħadem u rnexxa.  Ma jikkuntentax li jkun student tas-second division. X’sodisfazzjon!  Ferm aħjar minn student li ħadem, imma ma wasalx għas-sempliċi raġuni li l-mod ta’ assessjar ma kienx jagħtih il-possibiltà li juri x’jaf.  Fil-Kulleġġ tagħna qed naħdmu f’din id-direzzjoni. Imma nemmen li dak li qed nagħmlu għadu mhux biżżejjed biex jaqdi l-eżiġenzi tal-istudenti kollha.

 

Skola li tagħti kas  – A caring school.

Tkellimna dwar tliet pilastri tal-Kulleġġ tagħna:

  1. l-edukazzjoni tal-bniedem sħiħ (holistic education);
  2. l-involviment tal-ġenituri bħala parti integrali u essenzjali mill-komunità tal-iskola, u
  3. it-tifel bħala ċ-ċentru tal-ħidma edukattiva.

Hemm aspett ieħor li qegħdin ngħixu u jeħtieġ li jikber u jkun pilastru ieħor. Dan l-aspett iswassalna sabiex inħarsu lejn l-oħrajn bħala persuni li għandhom bżonn l-attenzjoni pożittiva  tagħna. Persuni li għandhom bżonn id-dedikazjoni, l-imħabba u l-mogħdrija tagħna.  Irridu nagħmlu mill-iskola tagħna skola li tagħti kas, skola li tagħder.

Ninnota li ħafna studenti kapaċi jieqfu ma’ sħabhom.  Jaqbżu għal xulxin, u jgħinu lil xulxin.  Ħaġa sabiħa.  Il-problema hija li xi drabi dawn jinteressahom biss mill-istudenti sħabhom fiċ-ċirku żgħir tagħhom. Donnhom l-oħrajn ma jeżistux, jew jekk jeżistu, huma l-għedewwa tagħhom.  Jiena nifhem li kull student għandu bżonn li jkollu ċ-ċirku żgħir ta’ ħbieb tiegħu.  Dan jgħinu jikber.  Li jinkwetani huwa li dan l-istudent ma jiddejjaq xejn li dawk il-valuri sbieħ li jgħix mal-grupp ċkejken tiegħu jaqlibhom ta’ taħt fuq meta jiltaqa’ ma’ ċrieki oħra jew mal-oħrajn b’mod ġenerali. Aħna l-kbar għandna d-dmir li nuru attenzjoni, kompassjoni u mogħdrija lejn kulħadd. Kull student għandu dawn il- bżonnijiet, u aħna ma nistgħu naqtgħu lil ħadd barra.  Tajjeb li nikkultivaw l-empatija.   Għandna nkunu minn tal-ewwel li nagħtu aktar kas ta’ dawk l-istudenti li jeħtieġu aktar għajnuna.   Hekk inkunu qed nagħtu eżempju tajjeb. Inkunu qed nuru lill-istudenti li aħna ma jinteressaniex biss mill-ħbieb tal-qalb tagħna, iżda minn kulħadd.  Inwessgħu ċ-ċirku tagħna.  Importanti li l-istudent jirrealizza li għandu jkollu responsabiltà, lealtà u impenn lejn sħabu taċ-ċirku l-wiesa’, u importanti wkoll li jkun lest li jaġixxi fuq din ir-responsabiltà.

Kemm jinkwetana l-bullying, li student jew studenti jaqbu ma’ xi ħadd u ma jagħtuhx nifs.  Inħossuna nitqattgħu ġo fina, speċjalment jekk il-vittma jkun ħabib tagħna, jew xi ħadd li jkun għażiż għalina.  Ikollna l-istess atteġġjament meta l-ħabib jew l-għażiż tagħna jkun dak li qed jaqbad ma’ ħaddiehor?

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jirbaħ il-bullying, u sewwa li l-istudenti jkunu kapaċi jużaw ħiliet f’posthom biex jieqfu lil xi ħadd li jipprova jbaxxihom jew ikissirhom.  Huwa ħażin li wieħed jew uħud iġibu ruħhom ħażin ma’ oħrajn.  Imma dan l-għarfien mhux biżżejjed.  Jeħtieg xi ħaġa oħra. Hija meħtieġa attitudni pożittiva lejn l-oħrajn, attitudni
li twassalna biex inxammru l-kmiem u naħdmu għaliha.  Huwa sewwa li l-istudenti jiddakkru minn din l-attitudni pożittiva, u huma wkoll jaslu biex iwessgħu ċ-ċirku tal-mogħdrija tagħhom.  Ċert li dan iwassal biex aktar studenti jitħeġġu jitgħallmu aktar u aktar għalliema jagħmlu aktar kuraġġ biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’aktar entużjażmu.

Ix-xewqa tiegħi hi li fis-snin li ġejjin naħdmu aktar sabiex l-istudenti kollha jaqbdu t-triq li twassalhom biex ikunu adulti aktar sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn, u li jirnexxilhom ipoġġu l-ġid komuni qabel il-ġid tagħhom infushom.  Jirrealizzaw li bħala ċittadini Nsara, huwa dmir tagħhom li jagħtu kas tal-oħrajn.

Nispiċċa b’dan il-kliem.  Fil-Kulleġġ tagħna tista’ ssib difetti kemm trid.  Imma  hemm dik ix-xi ħaġa speċjali li aħna drajnieha u allura ma nagħtux kasha.  Bniedem barrani jħossha ftit minuti wara li jidħol mill-bieb ta’ barra.   Hi ħaġa li tista’ tmissha, imma li fl-istess ħin ma tistax.  Il-Kulleġġ tagħna huwa speċjali. Din l-ispeċjalità mhix marbuta ma’ kwalifiki jew ma’ livell ta’ intelliġenza. Hija marbuta mat-tip ta’ relazzjonjiet li jeżistu.   Forsi kienet din ix-xi ħaġa speċjali li waslitkom biex tagħżlu l-Kulleġġ tagħna għal uliedkom.   Hija din li twassalkom biex tkomplu ssostnu l-Kulleġġ tagħna għall-ġid ta’ wliedkom.

Għeżież ġenituri u ħbieb tagħna.  Fil-Kulleġġ tagħna, ġid sar u qed ikompli jsir.  Il-karru tal-Kulleġġ irid ikompli jimxi ’l quddiem.  Xi kultant tista’ tirkiblu.  Imma ħafna drabi trid timbuttah jew tiġbdu.  Mingħajrna jimxi.  Imma bina jimxi aħjar.  Awguri.

Grazzi

Fr Silvio Bezzina mssp

Rettur

15 ta’ Marzu 2014

 


[1] Susan Stone Kessler & April Snodgrass: “The House that Affirmation Builds” in Educational Leadership, February 2014, Vol 71, No 5, pg 63.