Monsinjur Gużeppi DePiro – Storja u Spiritwalita’

Fuq il-Passi tal-Qaddej t’Alla,  Monsinjur Gużeppi DePiro – Storja u Spiritwalita’

Il-Ħadd 26 ta’ Jannar 2014, jum il-Konverżjoni ta’ San Pawl  u jum gћażiż gћas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.  Minkejja r-riћ kemmxejn qawwi u kiesaћ, grupp mdaqqas minna – gћalliema, ġenituri, Old Boys, studenti attwali tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, kif ukoll ћbieb oћra tas-Soċjetà, nġbarna kmieni wara nofsinhar fuq iż-żuntier tal-Kattidral ta’ l-Imdina, sabiex nieћdu sehem f’attivita’ organizzata mis-Soċjetà, bit-tema “Fl-Imdina – Fuq il-passi ta’ Monsinjur DePiro”.

Gћal ftit sigћat lkoll mxejna ma’ ћajjet Monsinjur Ġużeppi DePiro minn daru fl-Imdina gћad-dar attwali tas-Soċjetà li waqqaf, fir-Rabat.  Id-diskorsi tassew informattivi u dettaljati fuq ћajjet DePiro minn diversi Patrijiet tas-Soċjetà kif ukoll minn siltiet ta’ filmati dwar ћajtu rnexxhielhom jgћaqqdu l-ћajja storika ta’ Ġużeppi DePiro mad-dimensjoni iktar wiesgћa u spirtwali li gћex mid-dar fejn twieled u trabba sa fejn twieldet is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl  erba’ bibien il-bogћod fl-Imdina.

Il-qofol tal-mixja ћaditna sal-Kappella ta’ Sant’Agata, biswit il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. Tassew li l-Kappella sibniha kenn, gћax l-ajru kien beda jiddallam u bdiet tqattar ix-xita sew.  Hekk ukoll tista’ tgћid kienet ћajjet  Monsinjur Ġużeppi DePiro.  Huwa ћalla l-kenn ta’ daru, palazz biex ngћidu hekk,  u beda mixja ta’ sagrifiċċju u mћabba li wasslitu fid-dar aћћarija tas-Soċjetà Missjunarja fir-Rabat, fejn illum jinstab mistrieћ. Gћax tassew, il-Kappella,  li hi gћotja flimkien ma’ l-art ta’ madwar tal-Familja Depiro lis-Soċjetà Missjunarja, fiha wkoll il-kripta fejn jinstabu midfuna Mons DePiro u sћabu tas-Soċjetà li jћallu dan il-wied tad-dmugћ.

Illum il-Knisja tqis lil Monsinjur Ġużeppi DePiro bћala Qaddej t’Alla – l-ewwel pass li biha hija tgћaraf lil ћajtu bћala dawl gћall-mixja spiritwali tagћna. U hawnhekk nixtieq insemmi dettal żgћir illi tassew laqatni.  Xi ftit snin ilu, waqt proċess ta’ esumazzjoni tal-Qaddej t’Alla, instab illi l-fdal mortali tiegћu kienu fi stat priservat ћafna.  Madanakollu, waqt it-trasportar tal-ġisem gћal ġo tebut ġdid, il-paliet tas-saqajn inqalgћu bit-toqol taż-żarbun. Dawn ma reġgћux indifnu iżda tpoġġew, flimkien maż-żarbun, f’kaxxa tal-ћġieġ issiġillata, bћala relikwja. Min jaf gћadx naraw dan ir-relikwarju jterraq pajjiżna u artijiet oћra meta Ġużeppi Depiro jintgћaraf gћall-qdusija tiegћu mill-Knisja Universali?

Wieћed jista’ jara messaġġ providenzjali f’dan l-avveniment mhux previst. Donnu l-Monsinjur DePiro irid ifakkar lis-Soċjetà fil-Mixja Missjunarja tagћha. Min jaf kemm il-darba smajna proprju lil San Pawl – il-Qaddis speċjali tal-Monsinjur u tas-Soċjetà Missjunarja – itenni lir-Rumani “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid!” Gћaliex kienet ukoll ix-xewqa tal-Monsinjur DePiro illi titwassal il-bxara t-tajba li San Pawl wassal fil-gżejjer tagћna lill-ġnus li gћandhom l-gћatx gћall-Kelma t’Alla. Bћal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-Patruna Universali tal-Missjonijiet,  Monsinjur DePiro nnifsu ma tantx irnexxielu jagћmel hu stess missjoni f’artijiet barranin. Madanakollu,  s-Soċjetà mwaqqfa minnu, li illum hija ta’ madwar tmenin ruћ, inxterdet f’diversi inћawi mad-dinja kollha.

Il-viżjoni missjunarja ta’ Ġużeppi DePiro tkun limitata wisq però jekk inћarsu biss lejha mill-lat evanġeliku  f’artijiet oћra, u jekk norbtuha biss mas-Soċjetà li hi relattivament żgћira. Monsinjur DePiro kellu ћafna gћal qalbu lil Malta. Ta ћafna kontribut soċjali u anke politiku fejn kien hemm bżonn lil Malta ta’żmienu, li kienet gћaddejja minn żmien ta’ taqlib speċjalment wara l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Gћalhekk,  anke aћna l-lajċi mistiedna nappartjenu minn din is-Soċjetà ċkejkna mxerda madwar id-dinja. Sakemm naslu sad-Dar tal-Mistrieћ ta’ Dejjem, aћna lkoll qiegћdin f’mixja; kuljum bi sfidi ġodda fil-ћajja tagћna lokali, kemm jekk aћna ġenituri, gћalliema, ћaddiema oћra jew studenti.  Gћalhekk ukoll nistgћu ngћidu li r-riġlejn li ћalla Monsinjur Ġużeppi DePiro jgћoddu bћala tifkira viżibbli gћalina wkoll.  Ejjew immela, nimxu fuq il-passi  ta’ Monsinjur Ġużeppi DePiro u nkunu bћala gћotja ta’ mћabba fid-dar, fl-iskola, fuq ix-xogћol u fit-toroq tagћna Maltin u Gћawdxin!

 

Keith Cilia Debono