Għotjiet

Għeżież Ġenituri,

Insellmilkom u nittama li tinsabu tajbin flimkien mal-familji tagħkom.

Issa għaddew iktar minn ħmistax mill-bidu tas-sena skolastika, u kif stajtu tinnutaw, uliedkom qed igawdu l-frott tal-iżvilupp tal-Kulleġġ tagħna fis-settur primarju, kif ukoll f’titjib fil-faċilitajiet tal-iskola sekondarja. Kif għedtilkom fid-diskors tiegħi nhar l-Opening Day, il-bini tal-iskola primarja u t-titjib / tisbieħ fl-iskola sekondarja sewa ħafna flus.  Għal darb’oħra minn qalbi u f’isimkom nirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom.  Grazzi lil kulħadd.

Kif tafu, l-kulleġġ tagħna qatt ma talab għotjiet mill-ġenituri tal-istudenti tiegħu.  Fl-istess waqt, il-ġenerożita’ tagħkom li fhimtu li l-Kulleġġ ma’ jistax jimxi mingħajr l-għotjiet tagħkom, għenitna biex noffru edukazzjoni ta’ kwalita’ lil uliedkom.

Diversi drabi spjegajt li l-binja tal-iskola primarja kellha sseħħ fi żmien qasir, u biex dan seta’ jsir kellna nieħdu self minn bank kummerċjali.  Sa issa, nfaqna aktar minn € 950,000, li jinkludi wkoll l-ammont ta’ flus li kellna bżonn biex intejbu u nsebbħu l-iskola sekondarja.  Dan l-ammont irid jitħallas lura.  Fil-business plan li għamilna rajna li nistgħu nħallsu lura din is-self fi żmien 12-il sena jekk kull familja toffri almenu € 150 għal kull student fis-sena għall-ispiża kapitali.  Dan apparti l-għotjiet ġenerużi tagħkom b’risq l-ispiża rikorrenti tal-Kulleġġ.  Ovvjament din hija talba biss.  Ħadd ma hu qed jiġi mġiegħel iħallas!  Imma tajjeb li kulħadd jikkontribwixxi. Il-ftit ta’ kulħadd iwassal ħafna.

Tistgħu tibgħatu d-donazzjoni lili permezz ta’ cheque indirizzat “St. Paul’s Missionary College”, direct bank transfer fuq wieħed mill-kontijiet tal-Kulleġġ jew cash. Id-Donazzjoni tista’ tintbagħat f’daqqa jew f’installments kull xhar jew kull semestru. Araw intom kif l-aħjar.

  • APS 2000096374-3
  • BANIF 169188.10.001
  • BOV 40019302186
  • HSBC 058166661054
  • Lombard 01440112254

Nirringrazzjakom tal-għotjiet tagħkom.  Grazzi, jekk intom diġa’ għamiltu l-offerta tagħkom għal din is-sena. Nirringrazzjakom ukoll għall-għajnuniet tagħkom f’ forma ta’ materjal jew servizz lill-Kulleġġ.  Il-Mulej ipattilkom tal-ġenerożita’ tagħkom.

Sliem u barka

 

Fr Silvio Bezzina mssp
Rettur